L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù nistħajlu li l-Knisja tagħżel xi Evanġelju jirrakkonta l-mument meta Ġesù jwaqqaf dan is-sagrament. Fil-qari li smajna llum huwa l-Appostlu Missierna San Pawl meta jikteb lill-Koritin li jfakkarna x’ġara u li hu kien irċieva mingħand il-Mulej it-tagħlim li għadda lill-komunità ta’ Korintu. “Il-Mulej Ġesù fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr, qasmu u qal: ‘Dan hu ġismi li ngħata lilkom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi’. Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: ‘Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu b’tifkira tiegħi’” (1Kor 11:23-25).

Dan huwa wieħed mill-eqdem rakkonti ta’ dak li ġara awlillejl qabel ma’ bata l-Mulej. Aħna stess fil-quddiesa nfakkru li dak kien lejl speċjali li fih il-Mulej kien ittradut. Fit-tradiment ta’ Ġesù hemm il-malizja tagħna l-bnedmin, hemm ukoll il-ġenerożità tiegħu li jingħata f’idejna bħalma jagħmel fis-sagrament li waqqaf biex jilqa’ l-offerta fqira tagħna. L-Ispirtu s-Santu fuq il-kelma ta’ Ġesù li jirrepeti s-saċerdot: “Dan hu ġismi” u “Dan hu demmi”, ibiddel il-ħobż li nippreżentaw fil-Ġisem ta’ Ġesù, u l-inbid li nippreżentaw fid-Demm ta’ Ġesù.

Imma l-Knisja llum tagħżel rakkont mill-Evanġelju ta’ San Luqa għax qegħdin fis-sena li fiha naqraw l-Evanġelju ta’ San Luqa, meta Ġesù quddiem folla ta’ mhux inqas minn ħamest elef raġel, u allura akkumpanjati min-nisa u t-tfal tagħhom, ikattar il-ħobż, l-offerta fqira li jippreżentawlu d-dixxipli tiegħu, it-Tnax, u jitma’ lill-miġemgħa.

Imma r-rakkont jibda b’żewġ atteġġjamenti ta’ Ġesù li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa: Ġesù qagħad ikellem il-folol fuq is-Saltna ta’Alla u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-quddiesa fil-fatt tibda b’mument fejn aħna nagħrfu li għandna bżonn il-fejqan ta’ Ġesù u nistqarru pubblikament li aħna midinbin. Nitolbu t-talb tal-qaddisin imma nitolbu lil ħutna jitolbu għalina bħalma tlabna wkoll fil-bidu ta’ din il-quddiesa. Nitolbu ’l Mulej ifejjaq lil kull wieħed u waħda fejn u kif neħtieġu l-fejqan.

Il-Mulej ikellimna wkoll permezz tal-kelma tiegħu. Il-kmand li jagħti lid-dixxipli tiegħu huwa kmand li jibqa’ jidwi fil-Knisja sa tmiem id-dinja: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13). Hemm l-ikel li l-missier, kull missier u kull omm u kull ġenitur u kull min jieħu ħsieb lil ħaddieħor, irid ipoġġi fuq il-mejda “Agħtuhom intom x’jieklu”.

Meta nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù illum, irridu nsellmu lil tant missirijiet li jagħtu ħajjithom biex jobdu dan il-kmand ta’ Ġesù: li jmantnu lil uliedhom u jpoġġu fuq il-mejda l-ikel li għandhom bżonn għalihom infushom, għan-nisa tagħhom u għat-tfal tagħhom. Imma niftakru wkoll f’tant familji oħrajn fejn xi ħadd irid ikun li jieħu ħsieb ipoġġi l-ikel fuq il-mejda.

Illum, f’Jum il-Missier, insellmu ’l missirijiet imma ma ninsewx ma nisewx  l-ommijiet li ħafna drabi jmiss lilhom jippreparaw l-ikel jew inkella sitwazzjonijiet oħra fejn dak li jkun anke jgħix waħdu. “Agħtuhom intom x’jieklu”. Min jaf kemm-il darba nħarsu lejn sitwazzjonijiet ta’ bżonn u ngħidu: issa jieħdu ħsiebhom u ninsew il-kmand ta’ Ġesù “agħtuhon intom x’jieklu”.

U xi ngħidu għat-tifsira ta’ din il-kelma għalina saċerdoti li aħna rċevejna, minkejja d-dgħufija u n-nuqqasijiet tagħna, din il-qawwa, din il-vokazzjoni li aħna nobdu l-kmand ta’ Ġesù: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1Kor 11:24) u li aħna nwasslu l-Ġisem u d-Demm tiegħu lill-poplu għażiż tiegħu. “Agħtuhom intom x’jieklu. Dan il-kmand ta’ Ġesù llum fil-festa ta’ Corpus, fil-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, irid ikun talba biex li jkollna saċerdoti li jagħtu ħajjithom biex jipprovdu lill-poplu ta’ Alla l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù.

Illum ukoll huwa l-mument, hekk kif tneħħew ir-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19, għax inutli ngħidu l- COVID-19 spiċċat għax fil-verità ma spiċċatx, spiċċaw biss ir-restrizzjonijiet. Allura ma nistgħux ngħidu “Wara l- COVID” għax il-COVID għadha magħna u rridu nibqgħu nieħdu ħsieb lil xulxin. Imma l-istedina hi miftuħa għal min jista’ biex jersaq lejn it-tqarbin mhux biss bħala tqarbina spiritwali, imma li nieklu l-Ġisem ta’ Ġesù, nixorbu d-Demm imqaddes tiegħu. Immorru tant postijiet għall-bżonn! Hawn xi ħadd minna li ma jmurx jixtri l-ikel li jpoġġi fuq il-mejda?

Il-Mulej qed jistedinna għall-mejda tiegħu li fiha jitmagħna l-Ġisem u d-Demm tiegħu. Diversi kappillani jgħiduli li jieħdu pjaċir jisimgħu n-nies jgħidulhom: kemm nieħdu pjaċir insegwuha l-quddiesa fuq it-televixin. Ħaġa tajba, imma jiena ma nistax inqarbnek mit-televixin, ma tistax tieħu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù mit-televixin jew min fuq l-monitor ta’ kompjuter jew mill-iscreen tal-mobile. Għax Ġesù ma waqqafx show virtwali imma ikla. Qegħdin nagħmlu festa mill-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù li din il-festa li turi kemm iħobbna l-Mulej, kemm hu tassew Għimmanu-El, Alla magħna.

L-appell tiegħi għal min jista’ huwa li jersaq lejn il-knejjes tagħna, lejn il-parroċċi tagħna u jirċievi l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Wara kollox fl-ostja li jagħtik s-saċerdot hemm il-Ġisem, id-Demm, ir-ruħ u d-divinità ta’ Ġesù. Hemm Ġesù sħiħ! Tgħidli: Ma jistħoqqlix. Jekk noqgħodu nistennew li nkunu denji biex nitqarbnu, ma nitqarbnu qatt. Huwa Ġesù li jagħmilna denji bil-maħfra li jagħtina. Wara kollox, l-Ewkaristija stess, it-tqarbina stess, taħfer id-dnubiet venjali, dawk id-dnubiet żgħar li nagħmlu. Min ikun konxju minn xi dnub oħxon għandna l-qrar, għandna s-sagrament imwaqqaf għar-rikonċijazzjoni tagħna mal-Mulej, għas-sliem tagħna miegħu.

Għalhekk, dan ir-rakkont sabiħ mill-Evanġelju ta’ San Luqa jibda b’Ġesù jgħallem u jfejjaq, imma mbagħad jitma’ bħalma jagħmel f’kull quddiesa, bħalma jagħmel bis-sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin. Jekk xi darba inti u tiela titqarben tirrealizza li għandek xi dnub li għandek bżonn tqerru u ma qerrejtux, agħmel att ta’ ndiema u proponiment li kif ikollok ċans tersaq lejn il-qrar u itolbu inti u titqarben, itolbu t-talba li tgħallem il-Knisja lis-saċerdoti u lill-poplu: Tħallini qatt nifired minnek. Il-Mulej fuq is-salib qal: “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28), l-għatx biex ikun magħna, biex ikun ħaġa waħda magħna. Aħna għandna dan l-għatx, għandna dan il-ġuħ għall-Mulej?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 14:18-20
Salm: 109(110):1,2,3,4
Qari II: Kor 11:23-26
L-Evanġelju: Lq 9:11b-17