L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ftit tal-jiem ilu rajt filmat ta’ mara f’Gaża, omm, li tawha f’idejha lil binha maqtul. Kienet xena kommoventi, ta’ qsim il-qalb, meta tara lil binha, li tant ħabbet, jispiċċa maqtul minħabba l-bumbardamenti ta’ Gaża. Xi ħtija kellu dat-tifel? X’għamel biex spiċċa hekk? Ommu kienet qed tibki biki ta’ qsim il-qalb. Bħal din l-omm, kien hemm ħafna oħrajn hemmhekk stess f’Gaża, kif ukoll f’postijiet oħra bħall-vittmi tal-attakk terroristiku f’Israel, tal-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, u diversi pajjiżi oħra. Hija xena mill-aktar ta’ uġigħ meta tara lil omm jew lil missier bi wliedhom mejta f’idejhom.
Illum qed nagħmlu t-tifkira ta’ omm li binha nqatel brutalment. Kien ittorturat, insulentat, imsallab, għadda minn tbatija ħarxa u spiċċa maqtul fuq is-salib. Bniedem mhux biss innoċenti, imma wkoll bniedem li ma għamilx ħlief ġid. Meta niċċelebraw lil Marija Addolorata, niċċelebraw l-omm li magħha norbtu t-tbatija ta’ tant ommijiet li tilfu lil uliedhom jew li għaddew u jgħaddu minn tant tbatija minħabba wliedhom.
Naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Kienu wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu… (Ġw 19:25). Kienet hemm flimkien ma’ nisa oħra. Din hija esperjenza ta’ niket kbir. Hi l-quċċata tal-parteċipazzjoni ta’ Marija fit-tbatija tal-fidwa ta’ binha Ġesù. Hawn hi mhux sempliċement spettatriċi tat-tbatija ta’ Ġesù; hija qed tbati miegħu, b’qalbha miksura, bħala omm li tħobb b’mod sħiħ.
Nistgħu nimmaġinawha lil Marija għajnejha ffukati fuq binha, imdemmi u msawwat, kull nifs li jieħu mimli tbatija. Dan hu l-istess tifel li hi żammet f’idejha f’Betlehem u ħadnitu magħha, li fittxitu u sabitu wara li tilfitu fit-Tempju. Kien l-istess iben li fit-tieġ ta’ Kana, meta qaltlu li kien naqas l-inbid, kien qalilha: “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (Ġw 2:4). Dak inhar, għall-kelma ta’ Marija, minħabba li qaltlu hi, Ġesu għamel il-miraklu u bidel l-ilma fi nbid. Issa, is-siegħa tiegħu waslet, u ftit qabel il-Passjoni, fl-Aħħar Ċena, l-inbid bidlu fid-demm tiegħu biex ikun tifkira ħajja tal-passjoni u l-mewt tiegħu, hu u jifdi l-umanità.
Issa qiegħed hemm, imsallab, fl-aħħar mumenti qabel il-mewt. Marija tbati ma’ binha. Hija eżempju ta’ kompassjoni. Hi ma taħrabx mit-tbatija. Id-dulur tagħha hu kbir. Hija tibqa’ wieqfa. Hemm saħħa f’din is-silenzju tagħha, u fil-preżenza ta’ solidarjetà.
Imma l-preżenza tagħha siekta hija fl-istess waqt preżenza ta’ tama – tama taħt dell is-Salib. Tama li l-kelma ta’ Alla sseħħ, ukoll jekk minn barra qed tara kollox differenti. Hi żgur ftakret fil-kliem li qalilha l-anġlu Gabriel snin qabel, l-ewwel darba li semgħet fuq Ġesù. Kien qalilha fuqu: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq Dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33). Fejn hu l-kobor? Fejn hi s-saltna għal dejjem, is-saltna bla tmiem? Minn taħt is-salib hi tħares u minn barra tara proprju l-kontra tal-kliem tal-anġlu, imma tibqa’ tittama. Iż-żmien kellu jagħtiha raġun ta’ din it-tama qawwija tagħha, għax is-Salib ma kienx it-tmiem – Ġesù qam mill-mewt, ħareġ rebbieħ. Marija hi xhieda sabiħa li “t-tama ma tqarraqx bina” (Rm 5:5).
Għalhekk Marija tbati ma’ Ġesù imma fl-istess waqt hi sinjal ta’ tama. Ġesù, fl-aħħar mumenti tiegħu, jagħtiha lilna. Lilha jgħidilha: “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26) u lil Ġwanni jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Kien fl-iktar mumenti diffiċli ta’ tbatija meta ksibna din l-omm. Ommu, għalhekk, saret ommna.
Hija l-omm li tieħu ħsiebna u takkumpanjana fil-mixja tal-ħajja, speċjalment fil-mumenti iebsa ta’ tbatija, meta nħossu l-ħajja qisha tgħaffiġna taħtha. Għalhekk il-pellegrinaġġi wara Marija Addolorata li jsiru fil-parroċċi kollha ta’ pajjiżna huma espressjoni ta’ Marija li timxi magħna tul ħajjitna kollha.
Għalhekk, fit-tiġrib tagħna, induru lejha. Meta nkunu taħt is-salib tagħna – ta’ mard, ta’ telfa, tradiment, biża’ – niftakru li m’aħniex waħedna. Għandna din l-omm li tħarisna. Marija hi magħna. Hija taf xi tfisser li ssofri. U se tmexxina, kif biss omm taf tagħmel, lejn l-Irxoxt li dejjem jiġi wara s-salib.
Hija l-omm li turina kif nibqgħu wieqfa fit-tbatija – mhux naħarbu minnha, jew naqtgħu qalbna. U li turina wkoll kif għandna aħna nkunu preżenti fit-tbatija ta’ ħaddieħor. Hi turina kif għandna nkunu viċin min qed ibati, u nagħmlu dan bi mħabba kbira, b’kompassjoni. Hu dejjem l-aħjar mod kif inkunu ma’ min għaddej minn sofferenza. Kultant tmur l-isptar, u tkun fejn xi ħadd marid, u tintebah li ma hemmx wisq kliem li tista’ tgħidlu, anzi aħjar ma tgħidx ħafna kliem. Imma l-preżenza kollha mħabba titkellem hi.
Hi, għalhekk, l-omm li turina t-tifsira vera ta’ kompassjoni. Din importanti ħafna fi żmienna, meta kelma kultant tintuża biex tfisser xi ħaġa oħra. Kompassjoni tfisser li “tbati ma’”, preżenza ta’ solidarjetà u mħabba. Qatt ma hi kompassjoni li ttemm il-ħajja ta’ ħaddieħor, li toqtol ħajja – dik mhix kompassjoni vera.
Nitolbu lil Marija llum biex tkun dejjem l-omm li takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija. U nitolbuha biex inkunu nixbħuha fil-preżenza kollha mħabba tagħha, ħalli nieqfu ma’ dawk li jkunu għaddejjin minn tbatija, dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom. Ħa jkollna l-istess kompassjoni tagħha, biex bħalha aħna nkunu wkoll sinjali ta’ tama.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta