Proprjetà tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-parroċċa ta’ Ħal Safi, ingħaddiet lid-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex jitwaqqaf ċentru ta’ matul il-jum għal persuni li jbatu mid-dimensja, nhar it-Tlieta 3 ta’ Marzu 2020. Dan iċ-ċentru se jservi wkoll ta’ xelter għall-anzjani u għal dawk li jbatu mid-dimensja biex ma jitħallewx weħidhom filgħaxija u matul il-lejl. Iċ-ċentru se jkun l-ewwel wieħed f’Malta li joffri servizz għal matul il-ġurnata u bil-lejl. Il-ftehim għall-perijodu ta’ 25 sena ġie ffirmat mis-Sur Roberto Buontempo f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta, u minn Dr Renzo Degabriele f’isem id-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Fid-diskors tiegħu, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Safi, Dun David Farrugia, qal li ispirati mill-Papa Franġisku fil-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena tal-2016, il-parroċċa bdiet taħdem fuq l-idea li din il-binja tal-parroċċa terġa’ tibda tintuża biex tgħin lil dawk li huma fost l-aktar vulnerabbli. Il-Kappillan qal li din il-binja ser tgħin ukoll lil dawk l-anzjani li qed ibatu s-solitudni.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, is-Sur Michael Pace Ross, qal li dan huwa proġett soċjali ieħor li qed jitwettaq fi proprjetà tal-Knisja għall-benefiċċju ta’ dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà Maltija, b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali u l-Gvern ċentrali.