Għat‑tmien sena Caritas Malta qed tistieden lil dawk il‑persuni li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il‑mezzi sabiex din is‑sena jqattgħu Milied b’dinjità u jiġu jieklu flimkien għall‑ikla tal‑Milied fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana.

Is‑sena li għaddiet, madwar 500 persuna nġabru fil‑Kurja u qattgħu jum il‑Milied flimkien hekk kif darba fis‑sena, il‑Kurja tinbidel f’restorant kbir u ssir post ta’ laqgħa fejn tilqa’ lill‑fqir u lil min għaddej mit‑tbatija. Madwar 100 voluntier, li jinkludu ħaddiema u residenti mid‑djar terapewtiċi li tmexxi Caritas, se jkunu qed jgħinu fl‑organizzazzjoni tal‑Ikla tal‑Milied.

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li l‑ikla tal‑Caritas hi l‑qalba ta’ xi jfisser il‑Milied u dak kollu li tfisser il‑Knisja, għaliex kif qal Ġesù, “kulma għamiltu fost ħuti għamiltuh miegħi”. Huwa saħaq ukoll: “Il‑ħajja hekk sabiħa, meta taħseb fl‑oħrajn għax mill‑ġid tiegħek tagħmel oħrajn kuntenti”.

Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irrakkonta stejjer ta’ nies li għexu fis‑solitudni u permezz tal‑Ikla tal‑Milied irnexxielhom iqattgħu Milied b’dinjità u minn hemmhekk saru jafu bil‑gruppi ta’ sapport li toffri Caritas matul is‑sena. “Se terġa’ ssir. B’dan il‑mod aħna nsejħu lil dawk li jinsabu weħidhom biex jaċċettaw l‑istedina ta’ Caritas u jagħmlu l‑ewwel pass biex jegħlbu l‑weġgħa li ġġib magħha s‑solitudni.” Anthony Gatt temm jgħid li l‑Ikla tal‑Milied hi waħda mill‑inizjattivi tal‑Knisja f’Malta dakinhar tal‑Milied hekk kif Il‑Kċina ta’ Marta u l‑kappillani se jkunu qed joffru ikliet simili fil‑parroċċi f’Malta.

L‑ikel għal din l‑okkażjoni se jkun ippreparat minn The Alfred Mizzi Foundation waqt li din is‑sena wkoll, il‑koki tal‑Kċina tal‑President ta’ Malta se jieħdu ħsieb jippreparaw ħelu tradizzjonali tal‑Milied biex jitqassam waqt l‑ikla. St Peter’s Foundation se tkun qed tagħti wkoll is‑sostenn tagħha u l‑grupp X‑Tend se jkun qed joħloq atmosfera ta’ ferħ bil‑mużika tagħhom.

F’isem The Alfred Mizzi Foundation, Julian Sammut qal li l‑fondazzjoni hi kburija li għat‑tmien sena qed tgħin f’din l‑ikla tal‑Milied u dan permezz ta’ koki li fil‑ħin volontarju tagħhom jippreparaw l‑ikel “hekk kif isir ta’ kuljum permezz ta’ Dar Papa Franġisku u l‑Kċina ta’ Marta, li bejniethom iqassmu madwar 2,000 ikla fil‑ġimgħa”.

L‑Ikla tal‑Milied, organizzata minn Caritas Malta, ilha ssir mill‑2015 fejn dakinhar mal‑200 persuna kienu aċċettaw l‑istedina ta’ Caritas, u kull sena iktar nies urew ix‑xewqa li ma jqattgħux il‑Milied weħidhom. Waqt il‑pandemija, l‑Ikla tal‑Milied saret xorta waħda iżda l‑ikel kollu tqassam fid‑djar sabiex il‑kuntatt man‑nies ma jiqafx u ħadd ma jħossu waħdu.

Kull min għaddej minn żmien ta’ solitudni jew m’għandux il‑mezzi finanzjarji biex jagħmel l‑ikla tal‑Milied hu mistieden iċempel fuq 79555915 jew jibgħat email fuq [email protected] jew permezz tal‑paġna fuq Facebook ta’ Caritas Malta.