• Christ the King Celebrations

  • Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Knisja tiċċelebra l-festa liturġika ta’ Kristu Re. Iċ-ċelebrazzjonijiet ser isiru fuq tlett ijiem: il-Ġimgħa ser issir attività għall-adoloxxenti, is-Sibt ser issir attività għat-tfal, filwaqt li l-Ħadd ser issir ċelebrazzjoni Djoċesana li għaliha kulħadd huwa mistieden.

    Iċ-ċelebrazzjoni ewlenija ser issir nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru fl-4.30 p.m., fil-Knisja ta’ Marija Assunta, il-Mosta. Din iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana ser issir ukoll f’għeluq is-Sena tal-Fidi li kien nieda l-Papa Emeritu Benedittu XVI u li bdiet fil-11 ta’ Ottubru 2012.

    It-tema għal din is-sena hi “Ġesù ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42). Il-programm taċ-ċelebrazzjoni ser jinkludi animazzjoni ta’ kant, it-talba liturġika ta’ filgħaxija u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. li ser imexxi din iċ-ċelebrazzjoni. L-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, u l-Arċisqof Emeritu Ġu\eppi Mercieca ser ikunu preżenti. Għal din l-attività kull sena jiġu mistiedna l-ogħla awtoritajiet tal-Istat.

    L-attività li ser tagħti bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re ser issir nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru b’ċelebrazzjoni għall-adolexxenti bl-isem ‘Meeteen’. Din ser issir fil-Kumpless Ġwanni Pawlu II, fiċ-ċentru parrokkjali ta’ Ħ’Attard, bejn is-7.00 p.m. u d-9.00 p.m. It-tema għal din l-attività hija ‘Follow Him’. L-organiżżaturi ta’ din is-sena, ŻAK Siġġiewi, ħejjew programm interattiv għall-adolexxenti ta’ bejn 12 u 16-il sena. L-Arċisqof ser jieħu sehem f’din l-attività u jmexxi mument ta’ talb u adorazzjoni. Is-serata ser tinkludi mużika live minn RiSe Band. ‘Meeteen’ hija kkordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ.

    Is-Sibt 23 ta’ Novembru ser issir ukoll attività għat-tfal fil-knisja ta’ San Ġiljan, fl-4.30 p.m. Iċ-ċelebrazzjoni tikkonsisti f’Quddiesa li ser titmexxa mill-Arċisqof u li ser tiġi animata mill-gruppi ta’ tfal minn diversi parroċċi u għaqdiet. L-attività tispiċċa għall-ħabta ta’ 6.00 p.m. u hija kkordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Tfal.