• Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, il-Qawra

    2 ta’ Settembru 2018

    San Franġisk ta’ Assisi hu qaddis magħruf u maħbub minn ħafna. Imma jista’ jkun mhux daqshekk magħruf għall-istimmati, il-pjagi li hu kien irċieva madwar sentejn qabel ma’ miet fuq il-Muntanja La Verna u li komplu jseħbuh mill-qrib ma’ Ġesù Kristu.

    X’messaġġ tagħtina għal ħajjitna llum din il-festa tal-għoti tal-pjagi lil San Franġisk?

    Il-pjagi jfakkruna fi Kristu msallab li miegħu San Franġisk kien ħaġa waħda. Għalhekk il-messaġġ importanti li jagħtina San Franġisk hu li rridu dejjem inżommu ħarsitna fuq Kristu msallab.

    Il-pjagi ta’ Kristu huma r-riżultat tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-egoiżmu, tat-tradiment u tal-abbuż tan-nies. Imma huma wkoll il-mezz li bih Kristu jsalva. Isalva billi bl-imħabba bla tmiem tiegħu jibdel u jittrasforma l-ħażin fit-tajjeb, b’mod li juri li hi l-imħabba li tirbaħ. Kristu Rxoxt jibqa’ juri l-pjagi fil-ġisem glorjuż tiegħu u jrid li aħna narawhom biex inkunu nafu b’liema mod salvana. Huwa Kristu rebbieħ li jista’ jsalvana. Bil-ġrieħi tiegħu ksibna l-fejqan tagħna.

    Il-pjagi li naraw fil-ħajja tas-soċjetà huma wkoll riżultat tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-egoiżmu, tat-tradiment tan-nies, tal-abbuż.

    Il-pjagi jfakkruna fir-realtà li qed ngħixu fis-soċjetà. Il-pjagi li naraw fil-ħajja tas-soċjetà huma wkoll riżultat tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-egoiżmu, tat-tradiment tan-nies, tal-abbuż. Imma San Franġisk, li tant kien ħaġa waħda ma’ Kristu msallab, kellu l-kuraġġ li jieħu azzjoni, li jittrasforma l-ħażin f’tajjeb. Għalhekk insibuh strument tal-paċi ta’ Alla f’dinja li teżalta l-vjolenza, ixerred l-imħabba fejn hemm il-mibegħda, id-dawl fejn hemm id-dlam, it-tifħir u l-protezzjoni tal-ħolqien fejn hemm it-tkasbir u l-qerda ta’ dak li Alla tana biex nieħdu ħsiebu, l-għożża tal-ħajja umana u tad-dinjità tal-bniedem fejn hemm l-abbuż. Lil San Franġisk insibuh ħabbar tat-tama f’dinja ta’ qtigħ il-qalb.

    Il-pjagi jfakkruna fir-realtà li qed ngħixu llum fil-Knisja. Il-pjagi ta’ Kristu kienu wkoll frott tat-tradiment tan-nies li kienu dixxipli tiegħu u l-pjagi li naraw fil-ħajja tal-Knisja huma wkoll riżultat tat-tradiment, u ta’ qalb korrotta li tnawwar minn ġewwa. San Franġisk kien imsejjaħ minn Kristu biex jerġa’ jibni mill-ġdid il-Knisja li kienet qed tiġġarraf, biex jaħdem għat-tiġdid tal-Knisja. Hu ħadem bis-sħiħ biex il-Knisja tkun dejjem aktar il-Knisja kif riedha Ġesù, Knisja ħielsa minn dak li jista’ jikkorrompiha u mill-abbuż, u Knisja fejn id-dixxipli ta’ Ġesù ma jħarsux lejn xulxin bħala għedewwa jew jehdew bil-piki, bil-konflitti u jweġġgħu lil xulxin bi kliemhom.

    L-ispirtu ta’ San Franġisk jgħinna negħlbu dan il-ħażen li jtebba’ l-Knisja. Jgħinna nxerrdu madwarna l-imħabba u l-paċi ta’ Kristu Rxoxt; Kristu li għandu l-pjagi imma li ttrasforma l-pjagi f’mezz ta’ salvazzjoni.

    Aħna u niċċelebraw il-festa ta’ dan il-qaddis għażiż, speċjalment fl-għoti tal-pjagi lilu, nitolbuh biex fina wkoll inissel l-ispirtu tiegħu. San Franġisk sab dejjem l-għeruq fl-imħabba ta’ Alla u l-ħniena tiegħu, li lilu kien ifaħħar dejjem. Hi biss din l-imħabba li tista’ tgħinna biex inkunu magħqudin tassew ma’ Kristu msallab fit-tbatija tiegħu biex nistgħu nissieħbu miegħu wkoll fil-glorja tal-Qawmien.

     Joseph Galea-Curmi

        Isqof Awżiljarju

     

  •  

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti