L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Iżrael u jiena nberikhom” (Num 6:27). Il-barka li Mosè jitlob flimkien ma’ Aron u permezz ta’ Aron fuq ulied Iżrael, tuża wkoll din l-espressjoni: “Isejħu isem Alla fuq ulied Iżrael u Alla jberikhom”.

Xi tfisser li inti ssejjaħ isem Alla fuq uliedek? Tfisser li tirrikonoxxi l-primat ta’ Alla fuqek u fuq uliedek u tifhem ukoll li dak li se jmexxik huwa minn Alla u skont ir-rieda tiegħu. Espressjoni oħra f’din il-barka qasira imma sabiħa ħafna li aħna naqraw fit-tmiem ta’ sena ċivika u fil-bidu tagħha, hija: li l-Mulej iħarisna, jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna, jurina l-ħniena, iħares lejna bi mħabba u jagħtina s-sliem (ara Num 6:24).

Dawn huma kollha valuri li l-umanità tixxennaq għalihom. L-istedina radikali ta’ din il-barka li l-hena tagħna mhix ġejja minna, l-ebda ħaġa tal-bniedem ma tista’ timla qalb il-bniedem. L-għatx veru li hemm fina jittaffa biss minn Alla li ħalaqna għalih u jħobbna. Dak kollu li mhux loġika ta’ din l-imħabba jkissirna, ikissirna l-mod kif aħna nħarsu lejn xulxin bħala mezz għal xi fini ieħor, bil-Malti meta nħarsu lejn xulxin biex nużaw lil xulxin. Dik il-ħarsa mhijiex il-ħarsa ta’ Alla. Dik il-ħarsa tbegħedna mill-imħabba vera.

Hekk ukoll meta aħna nħarsu lejn Alla bħallikieku Alla qiegħed hemm biex jissodisfa x-xewqat frivoli tagħna jew inkella nħarsu lejn il-fidi tagħna qisu kuntratt: jiena nagħmel xi ħaġa tajba jew ngħix tajjeb u inti se tirranġali kollox. Mentri bħalma insista l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fil-lejl qaddis tal-Milied, Alla li jurina lilu nnifsu fit-tarbija ta’ Betlehem, iħobb mingħajr ma jippretendi xejn mingħandna, iħobbna u dik l-imħabba hija biżżejjed. Meta niflu lilna nfusna u qalbna kemm nirrealizzaw li aħna ’l bogħod minn din il-mentalità u li inti tagħti ħajtek mingħajr ma tippretendi xejn. Mingħajr ma tippretendi li għandek id-dritt tixtri l-lealtà tan-nies. Iċ-ċiniżmu ta’ min jaħseb li kull bniedem għandu prezz! Meta Alla jħares lejna, iħares lejna bħala xi ħaġa li m’għandhiex prezz għax hija prezzjuża wisq. Hu fdiena bi prezz wieħed: id-demm ta’ ibnu l-għażiż. Jekk hemm xi prezz li tista’ twaħħal ma’ dahar xi ħadd huwa d-demm ta’ Kristu, il-bqija kull konsiderazzjoni oħra tbaxxi d-dinjità tal-bniedem.

Meta l-Mulej jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna, aħna nidhru fid-dawl sabiħ li jagħmilna dak li aħna. Id-dawl ta’ Alla ma jħassarx imma jġedded u jagħni d-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna. U meta nogħtru u nitbiegħdu minn din id-dinjità ta’ wlied għax nagħżlu bjar imtaqqba li mhumiex kapaċi jżommu l-ilma, huwa jurina l-ħniena. Jerġa’ jsejħilna biex induru lejh u fih nirrealizzaw li hemm il-veru paċi, l-iskola tal-vera mħabba.

Is-soċjetà tagħna għandha bżonn terġa’ tiskopri lil Alla. Kull wieħed u waħda minna neżaminaw lilna nfusna u nistaqsu lilna nfusna b’onestà, b’umiltà u b’sinċerità: tbegħedna jew ma tbegħednix minn Alla? Jekk aħna nippretendu li nistgħu niddeċiedu min jgħix u min imut, tbegħedna minn Alla. Jekk aħna nippretendu li dak li hu ta’ kulħadd, huwa tagħna biss, tbegħedna minn Alla. Jekk aħna għall-utilità tagħna, nagħżlu li nkissru l-ambjent u l-ħolqien ta’ Alla, tbegħedna minn Alla.

U aħna għandna bżonn li l-Mulej iħares lejna u jagħtina s-sliem. Is-sliem tiegħu mhux taparsi; huwa sliem ta’ vera. It-triq tiegħu hija l-verità u l-ġustizzja, ir-rispett lejn xulxin. Is-sliem tiegħu, it-triq tiegħu hija wkoll it-triq tal-ħniena u tal-konverżjoni.

Meta niflu lilna nfusna u qalbna kemm nirrealizzaw li aħna ’l bogħod minn din il-mentalità u li inti tagħti ħajtek mingħajr ma tippretendi xejn.

“Trieġi l-popli bis-sewwa u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom”. Din hija l-fidi ta’ min jifhem li Alla huwa s-sid tal-istorja u li hija bluha li aħna nippruvaw nibnu soċjetà mingħajru għaliex inkunu qegħdin nibnu – kif kelli diġà l-opportunità ngħid – fuq ir-ramel. Mentri aħna għandna bżonn  nibnu d-dar komuni fuq il-blata li hija l-imħabba li għallimna Alla. Dan kien il-messaġġ tal-anġli lir-ragħajja: “Inħabbrulkom ferħ kbir, illum fil-belt ta’ David twildilkom salvatur. U dan huwa s-sinjal li ssibu tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). U kif raw dan is-sinjal, “bdew jagħrfu kulma ntqalilhom dwar din it-tarbija u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja” (Lq 2:17-28).

Għandna bżonn nerġgħu niskopru d-don li nistgħaġbu bil-ħniena, bil-kobor u bl-imħabba t’Alla, dak li l-Latini kienu jsejħu admiratio, li inti tieqaf u tistagħġeb bil-kobor ta’ Alla, bis-sbuħija tiegħu fil-ħolqien li ħareġ minn idejh. Jekk aħna nitilfu din il-kapaċità li nistagħġbu, naqgħu fin-nassa taċ-ċiniżmu. X’inhu ċ-ċiniżmu? Li jagħtik togħma qarsa fil-ħajja u li kulma tara, ma tarahx fid-dawl tal-imħabba imma fid-dawl ta’ x’nista’ nieħu jien, x’hemm għalija? Il-Mulej illiberana minn din il-viżjoni meskina u li ma twassalx ’il bogħod. Li jiena meta nħares lejn ir-realtà lejn il-persuni, l-unika kapaċità li jkolli hija li ngħid: jiena x’se nieħu? Meta nduru verament lejn Alla, nitgħallmu minnu, nistaqsu: jien kif nista’ nkun ta’ servizz? Jiena x’nista’ magħmel, x’nista’ nagħti?

Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant nies li b’sagrifiċċju personali joħorġu għonqhom għall-prinċipji sodi. Nirringrazzjaw lil Alla tal-għajta ħerqana biex aħna ma naqgħux fin-nassa tal-ewwel jien, it-tieni jien, u jekk jibqa’ jien. Imma li nibnu soċjetà fuq il-prinċipji li għallimna Ġesu ta’ Nazaret li huma l-prinċipji tas-sewwa, tas-solidarjetà u tal-ħniena.

Illum ukoll tmint ijiem fuq it-twelid tiegħu, niċċelebraw mhux biss il-maternità ta’ ommu imma wkoll l-isem tiegħu: Ġesu, Alla jsalva. Illum ukoll niċċelebraw it-twelid tal-prinċep tas-sliem u nitolbuh biex lil pajjiżna jagħti s-sliem mixtieq mibni fuq il-verità, il-ġustizzja u s-solidarjetà.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Ġw 2, 18-21
Salm: Salm 95 (96), 1-2.11-12.13
Evanġelju: Ġw 1, 1-18

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti