• Bishops exchange greetings with the public

  • Il-Ħadd 29 ta’ Diċembru 2013, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Charles J Scicluna laqgħu lin-nies għall-bdil tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.

    F’diskors tal-okkażjoni l-Arċisqof Pawlu Cremona tkellem dwar il-familja ta’ Nazareth u iż-żwieġ nisrani:

    Nibda billi nawguralkom għas-sena 2014. Ħafna drabi l-ġranet tagħna jimxu mhux biss mal-ġranet ċivili imma wkoll mal-ġranet tal-liturġija, u llum inzertat il-festa tal-familja ta’ Nazaret. Din il-festa tfakkarna f’kemm dinjità Alla l-imbierek iħalli l-familja. Meta ħalaq id-dinja, bena kollox madwar raġel u mara. Meta mbagħad ġiet il-familja ta’ Nazaret, l-ewwel kien hemm Marija li qalet iva, imbagħad kien hemm Ġużeppi li qal iva biex huma jiffurmaw familja madwar il-Mulej Ġesù. Għalhekk, għalina u għas-soċjetà kollha, il-familja nixtiequ li tkun familja ffurmata minn raġel, mara u t-tfal. Din għandha tkun il-bażi ta’ kull soċjetà. Minnha jrid joħroġ ħafna tagħlim fuq it-tfal u ħafna mħabba fuq it-tfal biex huma jitgħallmu jħobbu wkoll u jġibu ħafna stabbilità fis-soċjetà tagħna.

    Nixtieq ngħid ukoll li l-Knisja l-ewwel tibda minn dawk li jemmnu fiha, biex issaħħilhom iż-żwieġ tagħhom biex ikunu ta’ eżempju għal kulħadd. Imma peress li l-Knisja mhijiex maqtugħa minn mad-dinja ta’ madwarha, anke fis-soċjetà tagħna aħna nixtiequ li dan iż-żwieġ bejn raġel u mara li minnhom jitwieldu t-tfal, għandu jkun rispettat ħafna. Nixtieq nagħmilha ċara, aħna m’għandna kontra ħadd, inħobbu lil kulħadd. Aħna li għandna, favur iż-żwieġ. Meta nitkellmu fuq l-addozzjoni tal-gays, meta nitkellmu fuq iż-żwieġ jew l-unjoni ċivili, aħna ma nkunux qegħdin nakkużaw lil ħadd, aħna nkunu qegħdin nappellaw biex inħarsu ż-żwieġ billi nagħtuh il-post li għandu jkollu fis-soċjetà tagħna, u taraw kif ikollna dinja aħjar, u jkollna pajjiż aħjar. Grazzi ħafna.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

          Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com