L‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi sellmu l‑ħajja ddedikata fl‑art tal‑missjoni tal‑Isqof Robert Camilleri Azzopardi O.F.M., Isqof tad‑Djoċesi ta’ Comayagua fil‑Honduras u President tal‑Konferenza Episkopali tal‑Honduras.
L‑Isqof Camilleri Azzopardi miet illum it‑Tlieta, 17 ta’ Ottubru 2023, fl‑età ta’ 72 sena.
L‑Isqof Robert Camilleri Azzopardi twieled il‑Ħamrun fl‑24 ta’ April 1951. Hu ngħaqad mal‑Ordni tal‑Franġiskani Minuri u ġie ordnat saċerdot fl‑1975 mill‑Papa Pawlu VI f’Ruma. Tliet snin wara beda l‑ħidma missjunarja fil‑Honduras fejn serva bħala kappillan għal diversi snin.
Fl‑2001, il‑Papa San Ġwanni Pawlu II ħatru bħala l‑Isqof Awżiljarju ta’ Tegucigalpa u Isqof Titulari ta’ Vagada u ġie ordnat isqof fil‑15 ta’ Awwissu tal‑istess sena. Tliet snin wara, fl‑2004, inħatar bħala l‑Isqof tad‑Djoċesi ta’ Comayagua fil‑Honduras.
F’Ġunju 2022, l‑Isqof Robert Camilleri Azzopardi ntagħżel biex ikun il‑President tal‑Konferenza Episkopali tal‑Honduras.