• ****

    Direttur:          Peter Hedges

    Atturi:             Julia Roberts, Lucas Hedges, Courtney B. Vance, Kathryn Newton, David Zaldivar, Michael Esper, Rachael Bay Jones u Alexandra Park

    Ħin tal-Film:    103 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                  15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15       

    Holly Burns-Beeby ħadet sorpriża kbira meta tasal lura d-dar u ssib lil binha Ben jistenna wara l-bieb. Kien lejlet il-Milied u qatt ma kienet tistenna li tara lil Ben li kien jinsab fi programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga għal dawn l-aħħar xhur. Ben iżda jaċċerta lil ommu li l-isponsor tiegħu kien taħ il-permezz biex jagħmel żjara d-dar għall-Milied. Holly għalkemm konfuża, tieħu pjaċir bih u madankollu twissieh li jista’ jibqa’ hemm għal erbgħa u għoxrin siegħa u li kien sejjer ikun il-ħin kollu taħt il-ħarsien tagħha.

    Biex jattendi l-funzjoni ta’ billejl fil-knisja, imorru flimkien biex tixtrilu ftit ħwejjeġ għall-okkażjoni. Hemm Holly tara t-tabib, anzjan, li meta Ben weġġa’, kien tah kalmanti b’riżultat li Ben ġie dipendenti fuqhom. Meta il-carer warbet ftit, Holly urietu r-rabja tagħha għal dak li kien għamel. Sadanittant Ben jintebaħ bil-persuna li kellu x’jaqsam miegħu rigward id-droga. Hu jibqa’ mħasseb tant li qal lill-ommu li kien hemm bżonn li jmur malajr għall-laqgħa. Holly u Ben imorru flimkien u Ben jirrakkonta waqt il-laqgħa, kif ommu u l-kelb kienu salvawlu ħajtu. Wara l-laqgħa, Ben ġie avviċinat minn tfajla li tgħidlu li kien hu t-traffikant ta’ droga u stidnitu biex jaqsam id-droga għal darb’oħra.

    Lura lejn il-ħanut tal-ħwejjeġ, Holly issib fuqu d-droga u jgħdilha li kienet it-tfajla li offrithielu. Holly teħodlu d-droga u jmorru d-dar biex iħejju biex imorru l-knisja. Fil-knisja, Holly toffri l-kondoljanzi lill-omm li kienet tilfet lil bintha Maggie bi droga. Maggie kienet ħabiba  kbira ta’ Ben u t-tnejn kellhom il-vizzju ta’ droga. Meta l-familja jirritornaw id-dar, isibu li xi ħadd kien daħal id-dar u għalkemm wettaq ftit ħsarat, iżda seraq il-kelb Ponce. Min kien ħa l-kelb?  Ben intebaħ li dak li ġara kien kollu tort tiegħu għax hu kien midjun ma’ baruni tad-droga u issa jrid il-flus lura. Ben joħroġ jiġri mid-dar biex imur jfittex il-kelb. Holly tmur tfittxu bil-karrozza. X’jiġri meta hi ssibu u tipperswadih biex it-tfittxijja jagħmluha flimkien?

    Film dramm Amerikan taħt id-direzzjoni u l-kitba ta’ Peter Hedges. Ġrajja ta’ omm li kienet lesta tagħmel minn kollox biex tgħin lil binha biex joħroġ mit-taħwid li daħal fih. Minħabba t-tema tal-film, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.