-
-
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana
23 ta’ Diċembru 2018L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja ħafna lil kull min ġie biex flimkien naqsmu t-tislija sabiħa tal-Milied. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-media u lil tant nies li permezz tal-media se jirċievu dan il-messaġġ. Il-messaġġ tiegħi għal din is-sena huwa messaġġ ta’ ringrazzjament lil Alla ta’ dak kollu li aħna bħala komunità Nisranija f’Malta u f’Għawdex qegħdin nagħmlu biex inkunu xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù.
Jiena naħseb din hija l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna: li aħna nkunu ambaxxaturi konkreti tal-għożża li l-Mulej irid iberikna biha sa mill-bidu tat-tnissil tagħna sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna. Imma l-Mulej l-għożża tiegħu jkompliha fl-eternità. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nifhmu li s-sejħa li Alla jagħmlilna malli nibdew neżistu hija għal għożża li ma tispiċċa qatt. Ħafna affarijiet tad-dinja jgħaddu, imma l-imħabba ta’ Alla ma tgħaddi qatt. Kultant inħossuna ’l bogħod minnu jew naħsbu li nsiena, imma l-Milied jiġi kull sena biex jgħidilna l-Mulej ma nsikx, il-Mulej naqxek fuq il-pala ta’ idu. Dik il-kelma li hija inti, hija kelma ta’ mħabba għaliex il-ħajja hija l-kelma ta’ mħabba li Alla jagħti lili meta sejjaħli fl-eżistenza permezz tal-ġenituri tiegħi, permezz tal-għożża tagħhom u permezz tal-għożża ta’ bejnietna.
Din is-sena l-Mulej tana rigal speċjali fis-sejħa ta’ Fr Joe biex ikun isqof suċċessur tal-appostli u nieħu l-opportunità biex nifraħlu. Nieħu wkoll l-opportunità biex nirringrazzja lil Mons. Cremona, l-Arċisqof Emeritu, tal-għajnuna kollha li jagħtini, tal-preżenza sabiħa tiegħu u tal-appostolat li jagħmel ma’ tant nies li jinsabu fil-periferija.
Kif tafu din is-sena l-Papa Franġisku sejjaħli għal diversi missjonijiet speċjali u issa talabni jkolli rwol istituzzjonali fis-Santa Sede. Dan ma jfissirx li jiena mhux ser nibqa’ l-missier ta’ din il-merħla imma li l-episkopat tiegħi għandu mod ieħor konkret ta’ kif ikun ta’ servizz għall-Knisja universali. Għax kull isqof, meta jirċievi s-sejħa ta’ isqof, jingħata merħla li hu jrid jieħu ħsieb imma wkoll jingħata r-rwol li jgħin lill-Papa fil-missjoni universali tiegħu. Din hija s-sejħa wkoll li kull wieħed minna jgħix fl-episkopat. Għalhekk napprezza ħafna s-sapport tagħkom, nitlob ukoll it-talb tal-komunità Nisranija f’Malta u nirringrazzajkom ukoll ta’ tant kliem ta’ inkoraġġiment. Nixtieq nirringrazzja lil tant membri tal-komunità Nisranija f’Malta li jagħmlu xogħol li ma jidhirx imma li huwa essenzjali, xogħol ta’ preżenza fil-komunità, xogħol ta’ djakonija, xogħol ta’ evanġelizzazzjoni, u xogħol li jwassal il-Kelma u l-imħabba ta’ Ġesù lill-proxxmu tagħna.
Aħna ħafna drabi, meta niftħu l-ġurnali, naraw ħafna negattiv imma tajjeb ukoll li llum nieqfu biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant ġid li jsir u f’soċjetà, li Alla jbierek qiegħda tgawdi wkoll minn ġid ekonomiku. Tajjeb li l-ewwel nett nitolbu li jkun hawn iżjed ġid sabiex kulħadd igawdi imma nifhmu li din hija wkoll sejħa għar-responsabbiltà u s-solidarjetà bejnietna biex ħadd ma jitħalla lura jew barra. Għalhekk importanti li bħala komunità Nisranija nagħtu xhieda tal-akkoljenza tagħna, tat-tolleranza vera u tar-rispett lejn xulxin anke meta ma naqblux bejnietna. Imma fuq kollox, bħala komunità Nisranija, irridu nkunu xhieda tad-dinjità ta’ kull bniedem għaliex aħna niċċelebraw il-Milied u anke l-Għid biex niftakru kemm Alla jħobbna u kemm mhux biss jafda imma wkoll jagħraf il-potenzjal ta’ kull wieħed u waħda minna biex naħdmu u ntejbu d-dinjità tal-bniedem.
Nagħmel appell u nagħlaq bih. Ejjew inkomplu ngawdu l-Milied sal-Epifanija. Ħafna drabi qed tidħol il-moda li aħna nieqfu niċċelebraw il-Milied wara l-Ewwel tas-Sena. Aħna l-Insara jkun għad baqalna ġimgħa ta’ festi u għalhekk niċċelebraw ukoll il-laqgħa ta’ Ġesù mal-ġnus. Għax f’dawk il-ġnus hemm aħna l-Maltin u l-Għawdxin li mhux ġejjin mill-familja tal-Lhud (tal-ewwel rabta tal-poplu ta’ Alla) imma aħna konna dawk il-ġnus li ltaqgħu mal-Mulej immexxijin mill-kewkba u li fir-ragħajja hemm il-fedeltà ta’ Iżrael imma fil-Maġi hemm ix-xenqa tal-ġnus għal Alla. U għalhekk hi ħaġa sabiħa li aħna, li ġejna mill-ġnus u ltqajna mal-Mulej kmieni bil-miġja tal-Appostlu Missierna San Pawl, niċċelebraw l-Epifanija u niċċelebraw li l-Mulej huwa messaġġ ta’ paċi, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ għożża għall-ġnus kollha.
Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-Milied quddiem it-tarbija ta’ Betlehem nirrepetu t-talba sabiħa ta’ San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Kemm hi sabiħa din it-talba li aħna quddiem dik it-tarbija b’umiltà imma anke b’sens ta’ realiżmu li nagħrfu għandna bżonn lil Alla. Din hi t-talba sabiħa li ngħidu quddiem il-presepju “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla”.
F’isem ħuti l-Isqfijiet u f’isem il-Knisja f’Malta nawgura lill-poplu Malti u Għawdxi u lilkom lkoll li ġentilment ġejtu biex isselmulna u nsellmu lil xulxin, Milied qaddis u sena ġdida mimlija risq u barka. Grazzi.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti