Wara li fit-12 ta’ Mejju ġiet approvata kummissjoni ġdida fi ħdan il-Vatikan dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – AI, il-Kummissjoni interdekasterjali se tkun qed tippubblika linji gwida dwar l-użu responsabbli tal-AI fl-istituzzjonijiet kollha tal-Vatikan.

Dan tħabbar wara l-ewwel laqgħa uffiċjali tal-kummissjoni li qed taħdem biex tfassal politika komuni tal-Knisja dwar din it-teknoloġija li qed tavvanza b’pass mgħaġġel. Għal din il-laqgħa li saret f’Ruma fis-17 ta’ Ġunju, rappreżentanti minn bosta dekasteri tal-Vatikan bdew jiddiskutu kif il-Knisja tista’ tiżviluppa approċċ komuni quddiem l-opportunitajiet u l-isfidi li qed iġġib magħha din it-teknoloġija.

Il-Vatikan qal li filwaqt li l-AI joffri opportunitajiet kbar f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-komunikazzjoni u s-saħħa, hemm ukoll sfidi serji marbuta mal-etika, mad-dinjità tal-bniedem kif ukoll mal-protezzjoni tal-ġid komuni.

Għaldaqstant, il-ħidma konġunta se twassal għall-pubblikazzjoni ta’ linji gwida li se japplikaw għall-uffiċċji kollha tal-Vatikan, bil-għan li jiġi żgurat li l-użu tal-AI jkun dejjem ibbażat fuq prinċipji etiċi u fuq ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem.

Il-Vatikan saħaq li minkejja l-potenzjal kbir tal-Intelliġenza Artifiċjali f’diversi oqsma, l-iżvilupp teknoloġiku qatt m’għandu jitħalla jmur kontra l-ġid komuni jew idgħajjef il-valur tal-persuna umana.

Permezz ta’ dawn il-linji gwida, il-Knisja qed turi li trid tkun parti attiva fid-dibattitu internazzjonali dwar kif l-Intelliġenza Artifiċjali għandha tibqa’ għodda li taqdi lill-bniedem, u mhux li tieħu kontroll fuqu.

Fil-25 ta’ Mejju 2026, il-Papa Ljun XIV ddedika l-ewwel enċiklika tiegħu Magnifica Humanitas li filwaqt li tħares lejn l-isfidi ewlenin li qed taffaċċja s-soċjetà fosthom il-gwerer, in-nuqqas ta’ dinjità, il-polarizzazzjoni u tant sfidi oħrajn, hemm ħarsa partikolari lejn kif il-persuna umana tiġi ssalvagwardjata fiż-żmien tal-AI. Għaldaqstant, il-Papa qed jappella lill-poplu biex jaħdem “għall-ġid komuni” u “jibqa’ uman”, filwaqt li jsegwi mentalità kuraġġuża sabiex id-dinja “tirrikonoxxi l-qalb umana bħala l-post fejn jixtieq jgħix Alla”.

Sors: Newsbook Malta