L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia inawgura l-wirja tal-arti tat-tfal tal-iskejjel, “Caritas Fest”, fil-Parlament ta’ Malta.  Permezz tat-tpinġijiet tagħhom, it-tfal urew “kif huma jixtiequ jaraw lil Malta”, sabiex Malta tibqa’ awtentika, naturali u sabiħa.

Permezz ta din il wirja it-tfal urew ix-xewqa li pajjiżna jkun nadif u ma jitlifx il-pajsaġġ naturali, il-wirt storiku u d-drawwiet tradizzjonali Maltin.  

It-tfal wasslu messaġġ wkoll dwar in-numru kbir ta’ vetturi li għandna fit-toroq tagħna, mill-konġestjoni tat-traffiku u mill-kwantità ta’ bini modern li nbena f’dawn l-aħħar snin li ma jpaxxix l-għajn u ma jmurx mal-karattru tad-djar tradizzjonali li nsibu fil-bliet u rħula Maltin.

It-tfal b’din l-esebizzjoni enfasizzaw li jitħares il-patrimonju u l-wirt storiku ta’ pajjiżna u l-ħtieġa li jsir aktar użu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li l-iżvilupp f’pajjiżna għandu jkun wieħed sostenibbli  u dan għandu jsir skont il-kriterji mfassla u konformi mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (sustainable development goals).

L-Ispeaker faħħar lit-tfal tas-sehem tagħhom f’din il-wirja “Caritas Fest” għax għarfu t-tajjeb għal pajjiżhom li tant iħobbu. Huwa tenna li din l-esebizzjoni turi kemm huma attivi hekk kif tressqu diversi proposti konkreti li l-awtoritajiet jeħtieġ li jwettqu sabiex Malta dejjem tinżamm aktar nadifa u sabiħa, filwaqt li saħaq dwar ix-xewqa li urew it-tfal għas-sliem u l-paċi fostna u fid-dinja.

Din il-konferenza kienet indirizzata ukoll mill-Membri Parlamentari Katya De Giovanni u Julie Zahra.

Ritratti: SPK