Il-prinċep tad-dinja ġej. Il-prinċep tad-dinja jiġi kull darba li niftħulu l-bieb. Jipprova jidħol anki mill-ventilatur. Il-prinċep min hu? Il-prinċep tad-dinja huwa x-xitan, il-giddieb, il-qattiel.
Minn qaddejja ta’ Alla nistgħu nsiru qaddejja tax-xitan. Ġesù jgħid ċar u tond li huwa l-iben t’Alla, “kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel”. Mhux se jisraq qalb Ġesù imma lilna jipprova jisirqilna qalbna.
Aħna qed nakkumpanjaw lis-saċerdoti ġodda tagħna f’riġlejn Marija, li l-qaddisin kienu jgħarfu bħala t-terrur tax-xitan. Wieħed mit-titli li kien jagħtiha San Ġorġ Preca hu interror demonum għax ix-xitan, hu li hu supperv u giddieb, jibża’ mill-umiltà u l-verità. Biex tirbaħ lix-xitan ma tridx tkun għaref imma trid tkun umli, għax l-arroganza u s-suppervja ma jintrebħux bl-għerf tad-dinja imma bl-umiltà. Nirrepeti talba oħra ta’ San Ġorġ Preca li għandna ngħidu lill-Mulej: ‘Sinjur Alla, jien għandi bżonnok’. Din it-talba ta’ umiltà u verità profonda tipproteġina.
Aħna ġejna hawnhekk biex is-saċerdoti tagħna npoġġuhom taħt il-ħarsien ta’ Marija biex bl-interċessjoni tagħha huma jkunu mqawwija kontra l-attakki tal-prinċep tad-dinja.
Ġesù jgħid xi ħaġa misterjuża fi tmien il-Vanġelu li għadna kemm qrajna llum mill-Kapitlu 14 ta’ San Ġwann: “Kontra tiegħi, xejn ma jista’ jagħmel il-prinċep tad-dinja,” jgħid, “iżda ħalli d-dinja tagħraf jiena nħobb il-Missier u nagħmel kif ordnali l-Missier.”
B’dawn il-kliem Ġesù qed jirreferi fuq il-passjoni ħarxa tiegħu. Meta aħna nimmeditaw fuq il-passjoni ta’ Ġesù, naraw tant mibgħeda, ħruxija u kattiverja li tisplodi kontra l-Ħaruf t’Alla magħmul bniedem; il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. L-umiljazzjoni, it-tradiment, is-swat, il-kuruna tax-xewk, is-salib, il-kundanna għall-eħrex esekuzzjoni li setgħu joffri r-Rumani.
Hija l-ħruxija, il-mibgħeda, ir-rabja tal-prinċep tad-dinja li tinfexx fuq Ġesù u Ġesù jgħid: “Din hija prova li ngħarraf lid-dinja li jiena nħobb lill-Missier.” U aħna ħafna drabi jista’ jkun li bix-xhieda tal-imħabba tagħna lejn Ġesù, lejn il-Knisja u lejn il-Missier ikollna nissaportu t-taħbit, l-umilijazzjoni li joffrilna l-prinċep tad-dinja u għalhekk għandna bżonn il-protezzjoni tal-umità tal-Madonna: “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem, kull nisel jibda jseħħali hienja.”
Nitolbu wkoll li s-saċerdoti tagħna jkunu dejjem strumenti tal-Evanġelju, mhux tal-prinċep ta’ din id-dinja. Saċerdot għandu d-dover li jgħallem it-tagħlim ta’ Ġesù u tal-Knisja. Jekk għandu opinjoni differenti jiskot; imma lill-ħrief u l-merħla tal-Mulej ma jisqihiex il-velenu ta’ moħħu.
Aħna s-saċerdoti, sew jekk aħna isqfijiet jew presbiteri, għandna dan id-dover qaddis: il-poplu għandu dritt jieħu mingħandna t-tagħlim ta’ Ġesù, u mhux x’naħseb jien jew kif ifettili moħħi; jew dak li jiddettali ħaddieħor għall-frugħha ta’ din id-dinja. Min jista’ jifhem, ħa jifhem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 14:19-28
Salm 144(145):10-11,12-13ab,21
L-Evanġelju: Ġw 14:27-31a