• Parroċċa Marija Annunzjata – Balzan
    5 ta’ Ottubru 2014

    Qed niċċelebraw il-festa tar-Rużarju Mqaddes. Ir-rużarju huwa don minn għand Alla l-Missier għalina l-Insara li nemmnu. Dak li aħna nagħmlu fil-liturġija tul sena: twelid ta’ Ġesù, mewt ta’ Ġesù, il-qawmien ta’ Ġesù aħna nikkontemplawh fir-rużarju f’erbat ijiem. Meta ngħidu r-rużarju inkunu qed nerġgħu ngħaddu dawk il-mirakli, dawk il-misteri ta’ Ġesù biex aħna nkunu nafuhom aktar.

    U kemm kienet providenżjali li permezz ta’ Dun Ġorġ Preca aħna llum għandna wkoll il-misteri tad-dawl. Qabel kellna biss: Ġesù jitwieled, Ġesù jmut u Ġesù jirxoxta. Issa fil-misteri tad-dawl daħħalna wkoll siltiet mill-ħajja ta’ Ġesù għax Ġesù ma fdiniex biss f’dawn il-misteri kbar, imma Ġesù fdiena wkoll bil-ħajja tiegħu kollha. U għalhekk aħna nkunu qed nergħġu nġibu lil Ġesù fostna permezz ta’ Marija. Sidtna

    Marija hija l-gwida li se tmexxina waqt ir-rużarju biex aħna nkunu nistgħu naħsbu u nikkontemplaw dawn il-misteri li aħna naraw fir-rużarju. Marija, kif se tmexxina fir-rużarju? L-ewwel ħaġa li naħseb li hija importanti li aħna niftakru li ma kien hemm ħadd li seta jħares lejn wiċċ Ġesù u jkun jafu daqskemm kienet tafu Sidtna Marija. Sidna Ġesù Kristu għamel dawk it-tletin sena ma’ ommu Marija u min jaf bejniethom kemm kienu jitkellmu fuq is-saltna tas-sema. U Marija kienet tafu minn mindu twieled u baqgħu mexjin f’din il-mixja li huma għamlu flimkien.

    Raġuni oħra għaliex il-Madonna hija l-gwida tagħna biex aħna nkun nistgħu nersqu aktar u nifhmu aktar ir-rużarju mqaddes, huwa propju għaliex Sidtna Marija, meta kienet titlob kienet titlob qiesha bħalna fir-ruzarju. Ma nistgħux nimmaġinaw li l-Madonna kienet titlob mingħajr ma tiftakar fl-episodji tal-ħajja ta’ binha Ġesù, ma jistax ikun. U allura hi bħalna, aħna nimmeditaw, nitolbu lill-Madonna imma fl-istess ħin nkunu qegħdin niċċelebraw il-misteri tal-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu.

    Aħna rridu nirriflettu wkoll kif il-Madonna għexet dawn il-misteri. Meta nkunu qegħdin ngħidu r-rużarju, ippruvaw aħsbu daqsxejn il-Madonna, li kienet l-isbah dixxiplu tal-Mulej Ġesù, kif għexet dawn il-misteri Ħa nieħdu tlett eżempji. L-ewwel eżempju huwa meta t-tarbija Ġesù ġiet fi ħdanha u aħna rridu nippruvaw nimmaġinaw b’liema stagħġib Sidtna Marija ħadet din it-tarbija fi ħdanha. Tidher tarbija imma hija taf, li skont ma qallha l-anġlu, kif smajna llum, aħna nistgħu naraw lil Sidna Ġesù Kristu bħala Alla u bniedem. Ippruvaw immaġinaw l-istagħġib tal-Madonna kif jista jkun Alla u bniedem? Imma hekk hu, hekk hu Alla u bniedem. Mela f’dan it-tielet misteru tal-ferħ aħna rridu niftakru fl-istagħġib. Jekk aħna għadna m’aħniex nistagħbu bit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu fostna hemm bżonn li aħna nibdew nistagħġbu b’mod speċjali fir-rużarju.

    Fir-rużarju nikkontemplaw ukoll il-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, u Marija kellha tgħixha f’żewġ attitudnijiet differenti. Kellha l-attitudni ta’ omm u min jaf Ġesù kemm kien ikkunslat li ommu kienet ħdejh. Meta ra dawk l-uċuħ ta’ terrur li kien hemm madwaru, dik il-mibegħda kollha, hu li qatt ma għamel ħsara lil ħadd! Imma l-Madonna kienet ukoll dixxiplu tal-Mulej Ġesù u bħala dixxiplu nistħajjluha tingħaqad mal-kliem ta’ Kristu meta qal: “f’idejk, jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46) il-Madonna nistħajluha tgħid: ‘iva, Missier jiena llum se nagħti f’idejk lil ibni’. U meta Ġesù ħafer lil dawk li kienu qegħdin isalbuh, aħna rridu naħsbu li l-Madonna dak il-ħin stess kellha tingħaqad mal-Mulej Ġesù biex taħfer lil dawk kollha li kienu qegħdin isalbuh. Dak il-ħin stess, għax hi f’ħajjitha kollha kienet dixxipplu tal-Mulej u qatt ma kien hemm differenza bejn dak li qal Ġesù u dak li għamlet Marija dixxiplu.

    Meta niġu għall-misteri tal-glorja, aħna naraw il-ferħ ta’ Sidtna Marija meta qam il-Mulej Ġesù. Tal-Madonna mhijiex rakkuntata fil-Vanġelu imma jien ngħid u naħseb hekk hu, li l-ewwel waħda li kienet taf li Ġesù qam, kienet Sidtna Marija. Ma nafx jekk dehrilhiex, ma naħsibx li kien hemm bżonn li jidhrilha lil ommu għax hi kienet temmen. Hu deher lil dawk li ma jemmnux biex jibdew jemmnu. Il-Madonna ma kellhiex bżonn għaliex il-fidi tagħha kienet tant qawwija ġo fiha li hi kienet diġa għexet il-qawmiew ta’ Sidna Ġesù Kristu.

    Fir-rużarju nikkontemplaw ukoll l-interċessjoni ta’ Marija. Naħseb li r-rużarju nistgħu ngħaqduh mat-tieġ ta’ Kana meta l-Mulej ċedilha l-ewwel miraklu tiegħu għall-interċessjoni tagħha. Għamel il-miraklu għaliex ommu qaltlu biex jagħmel il-miraklu. U fuq is-salib meta Sidtna Ġesù qalilha: “dan hu ibnek” u lil Ġwanni qallu: “din hija ommok” (Ġw 19,26-27) u dak il-ħin il-Madonna ħadet l-umanità kollha. Mela l-ewwel kellha lil Kristu u għexitu sa’ tlieta u tletin sena, meta Kristu mar għand il-Missier, hija mhux ingħalqet fiha nfisha, imma l-komunita nisranija saret, biex ngħidu hekk, tagħha. Permezz ta’ hekk, l-imħabba li kellha għal Ġesù mhux għebet. L-imħabba li kellha għal Ġesù tefgħatha fuq il-komunita nisranija li kienet tagħmel parti minnha. U ovvjament aħna nafu li tul is-snin meta Alla l-Imbierek ried jagħtina messaġġ, huwa dejjem bagħat lil Sidtna Marija biex tkun hi li twasslilna l-messaġġ. Allura mhux ta’ b’xejn illum nirringrazzjaw lil Alla l-Imbierek għal dan ir-rużarju li tana.

    Bħal issa qed issir velja ta’ talb għass-sinodu ġo Ruma mal-Papa Franġisku, u ser tibda propju bir-rużarju. Daqshekk ir-rużarju huwa fil-qofol tal-ħajja spiritwali tagħna.

    + Pawlu Cremona O.P.
       Arċisqof ta’ Malta