-
-
Tlesta x‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq il‑pittura fl‑apside tal‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina, li sar mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta b’kofinanzjament minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Dan il‑proġett b’investiment ta’ €70,000 ġie inawgurat mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi.
Il‑pittura li ġiet irrestawrata kienet ikkummissjonata lil Mattia Preti fl‑1688 u saret fuq il‑ħajt tal‑knisja l‑antika, jiġifieri dik li kien hemm qabel it‑terremot tal‑1693. Il‑pittura turi n‑nawfraġju ta’ San Pawl u hija meqjusa bħala waħda mill‑aktar pitturi fidili lejn ir‑rakkont tan‑nawfraġju fl‑Atti tal‑Appostli. Fiċ‑ċentru tagħha jidher l‑Appostlu Missierna San Pawl iħares lejn il‑Missier Etern li qed jibgħat lill‑anġlu tiegħu biex isabbar lil San Pawl u jaċċertah li l‑276 persuna fuq il‑ġifen se jsalvaw kollha. Matul is‑snin saret ħafna ħsara lil din il‑pittura bil‑konsegwenza li kellhom isiru numru ta’ interventi ta’ restawr.
Waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Katidral tal‑Imdina, l‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li l‑Katidral, li huwa s‑sede tal‑Arċisqof ta’ Malta, huwa ġawhra prezzjuza fl‑istorja reliġjuża ta’ pajjiżna li turi kif l‑għeruq tagħna l‑Maltin kienu msawra u msaħħa fil‑fidi sa mill‑bidu. Huwa fakkar kif din il‑knisja fil‑belt kapitali l‑antika ta’ Malta, tissemma’ għall‑ewwel darba fl‑1299 meta l‑knisja kienet qed tinbena, u li sa mill‑bidu nett dan it‑tempju kien ddedikat lil San Pawl. L‑Isqof Galea‑Curmi rringrazzja lill‑Ministeru għall‑Affarijiet Ewropej għall‑fondi tal‑Unjoni Ewropea, li permezz tagħhom ukoll seta’ jsir dan ir‑restawr. Huwa ħeġġeġ lis‑soċjetà Maltija biex filwaqt li tikber fl‑apprezzament tal‑patrimonju ekkleżjastiku ta’ pajjiżna, tagħraf il‑ħeġġa li biha missirijietna b’tant sagrifiċċju għexu u esprimew l‑identità reliġjuża tagħhom għaliex għarfu dak li kien tal‑akbar ġid għalihom u għal uliedhom.
Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, irringrazzja lir‑restawraturi ReCoop għal dan ix‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li qal ser ikun jista’ jitgawda minna, minn dawk kollha li jiġu jżuru pajjiżna, kif ukoll mill‑ġenerazzjonijiet futuri. Qal li l‑Katidral tal‑Imdina hu wieħed mill‑knejjes fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta li bbenefika mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.
-
-
-