• Nhar il-Ħadd 28 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ San Ġiljan, fl-okkażjoni wkoll tal-125 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa.
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan
    28 ta’ Awwissu 2016
     
    “Il-karità teħles mill-mewt u tnaddaf mid-dnubiet u hi mezz biex wieħed isib il-ħniena u l-ħajja ta’ dejjem” (Tob 12, 9). Dan il-vers mill-ktieb ta’ Tobit li smajna fl-Ewwel Qari huwa b’xi mod il-ġabra fil-qosor tas-sinifikat sabiħ u profond tas-solennità li nagħmlu kull sena f’ġieħ San Ġiljan, ospedaljier.
     
    ‘L-Imħabba fdietek’
    Kif hemm miktub fuq il-kwadru titulari antik fil-knisja l-qadima: ‘redemit te caritas’ l-imħabba fdietek, redemit te, fdietek,  caritas, l-imħabba. “Il-karità teħles mill-mewt u tnaddaf mid-dnubiet”. X’kien id-dnub ta’ San Ġiljan? Id-dnub ta’ San Ġiljan huwa forsi wieħed mill-iżjed dnubiet koroħ u ta’ qsim il-qalb għax huwa qatel lill-ġenituri tiegħu. Kieku kellna nieqfu hemm fl-istorja ta’ San Ġiljan, ma kienx ikollna għalfejn nagħmlu solennità, forsi nsibu l-ħaqq li fih tefgħuh. L-istorja ta’ San Ġiljan ma tiqafx mal-qerda kiefra tal-ġenituri tiegħu imma ma’ ħajja kbira u sabiħa ta’ tpattija għal dak li għamel.
    L-istatwa titulari li kont qed nammira kif wasalt fil-knisja llum dejjem ammirajtha, bħalma nħobb nammira l-istatwi sbieħ ta’ Karlu Darmanin. L-istatwa u l-ikonografija li nnutajt li tħobbu tpoġġu fil-bandalori, fil-bnadar għall-festa, hija l-bidu tat-traġedja ta’ San Ġiljan. Hemm djalogu bejn San Ġiljan, dan in-nobbli Belġjan tas-seba’ seklu, jiġifieri aħna qed ngħidu fuq storja antika elf u tlett mitt sena, niex naraw il-memorja tal-Knisja fl-istess ħin kemm hi qadima u kemm għandha għeruq profondi fil-qaddisin tagħha. Hemm id-djalogu bejn dan in-nobbli kaċċattur, bħalma kienu jagħmlu ħafna drabi n-nobbli kienu jmorru għall-kaċċa u l-mara toqgħod id-dar, u dan iċ-ċerv li San Ġiljan ferixxa għall-mewt. Il-leġġenda tgħid li qabel ma miet, iċ-ċerv għamillu l-profezija li kellu joqtol lill-ġenituri tiegħu. Dan huwa d-djalogu li hemm immortalat fl-istatwa. L-istatwa allura ġġibilna mhux il-qdusija ta’ San Ġiljan, imma l-bidu tal-għawġ tiegħu.
     
    Il-qerda tal-ambjent hija wkoll l-qerda tal-pajjiż
    Jiena nixieq nislet l-ewwel ħsieb, tagħlima minn dan il-mument li huwa propju fl-istatwa titulari tagħkom. Meta aħna neqirdu l-ambjent, inkunu bdejna neqirdu lilna nfusna u l-ġenituri tagħna. Il-qerda tal-ambjent hija l-ikbar traġedja ta’ żmienna, anke f’pajjiżna. F’dak iċ-ċerv ferut jiena nara l-umanità li mhix biss kuntenta li mill-ambjent tiekol u tgħix, imma wkoll trid teqirdu għall-gost u l-pjaċir tagħha. L-ibħra tagħna, il-kampanja tagħna, is-siġar tagħna, kemm qegħdin nieħdu ħsiebhom? M’għandniex ċriev f’Malta għax kieku qtilniehom kollha – jekk xi darba kien hemm, qtilnihom diġà, ma jimpurtax – għax aħna kull ħaġa li ttir, kull ħaġa li timxi, irridu noqtluha. Jekk aħna nħammġu l-ibħra tagħna b’mod li ma nistgħux ngħumu fihom, nibdlu l-kampanja tagħna b’mod li ma nistgħux nieħdu n-nifs, u nkissru l-patrimonju urbanistiku tagħna għar-rebgħa, il-profezija taċ-ċerv lil San Ġiljan sseħħ fuqna wkoll: ‘se toqtol lill-ġenituri tiegħek’. Il-ġenitur tagħna min hu? X’ngħidu aħna fl-Innu Nazzjonali? ‘Lil din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha’.  Allura ommna hija Malta u hemm xi ħadd ngħidulu missierna, Missierna San Pawl. Il-ġenituri tagħna l-Maltin huma l-‘ħlewwa ta’ artna’ u ‘l-fidi’ li ġabilna l-appostlu Missierna. Kieku jiltaqa’ magħna ċ-ċerv x’jgħidilna llum? ‘Se toqtol lill-ġenituri tiegħek? u, ‘se toqtol l-għeruq tiegħek?’
     
    L-istorja ta’ San Ġiljan nafu li hija traġedja fuq traġedja. X’kienu ċ-ċirkustanzi tal-qtil tal-ġenituri tiegħu? Il-ġenituri tiegħu għamlulu surpise visit; iddeċidew li jmorru għandu mingħajr hu ma kien jaf li ġejjin. Meta waslu ma kienx hemm għax kien għall-kaċċa. Il-mara tiegħu b’lealtà u bi spirtu ta’ ospitalità li kien dejjem fihom u li mbagħad kellu jarahom qaddisin. Il-mara, lill-ġenituri ta’ Ġiljan, laqgħathom u tathom il-kamra tas-sodda tagħhom u bil-lejl missieru u ommu raqdu fis-sodda tiegħu. Kien hemm xi għaref li mar jinfurmah li fis-sodda tiegħu hemm mara u raġel reqdin u Ġiljan tgħawwa, kien vittma tal-għawi. Wasal id-dar irrabjat għax il-konklużjoni tiegħu kienet li dawn il-mara u r-raġel bilfors kellhom ikunu l-mara tiegħu – kien naqra ġelus mid-dahra – u raġel ieħor li mhux hu. Nammiraw il-fatt li hu kien għadu jemmen li fiż-żwieġ hemm il-fedeltà u li jeżisti l-adulterju. Kultant jien nistaqsi lili nnifsi: ‘imma aħna l-Maltin dawn il-kategoriji għadna nemmnu fihom? Il-kelma ‘fedeltà’ għadha tgħodd fiż-żwieġ? Il-kelma ‘adulterju’ għadha tagħmel sens? Jew kollox xejn mhu xejn? 
     
    Ġiljan, Maltin – vittmi tal-għawi
    Jiena nixtieq ngħid kelma fuq dak li mar jgħawwih, għax Ġiljan kien vittma tal-għawi. Id-delitt tiegħu kien delitt passjonali għax sab min jgħawwih. Jiena nistaqsi lis-soċjetà tagħna llum, speċjalment dawk li qegħdin jużaw il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali biex jgħawwuna għal xulxin. Ftakru x’jgħid il-Malti li ‘l-għawi ħu l-ġenn’. Jiena nwissi lil min qed juża’ l-blogs, lil min qed juża’ l-internet biex ixewwex Malti kontra Malti u jaqla’ l-ħama, Malti kontra Malti, ninsulentaw lil xulxin, numiljaw lil xulxin u niddisprezzaw lil xulxin. L-għawi ħu l-ġenn. Min qed jagħmel hekk, irid jagħti kont quddiem Alla. Qed joħloq ambjent li ma jġibx l-għaqda u l-paċi, ma jġibx il-ġustizzja. Dan huwa dnub li jgħajjat lil Alla: meta nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni u nagħmluhom mezzi ta’ distruzzjoni. Minflok mezzi ta’ komunikazzjoni nagħmluhom mezzi ta’ qerda, ta’ għira u ta’ mibegħda.
    San Ġiljan kien ukoll vittma tal-għawi, daħal irrabjat, mgħuwi bil-ġenn tal-għira, tal-passjoni u qatel lil dawk iż-żewġt erwieħ, lil dik il-koppja li kienet fis-sodda. Mingħajr ma jaf qatel lil ommu u lil missieru. Kif daħlet martu u tara dik ix-xena qaltlu: “Ġiljan, x’għamilt? Dawk ommok u missierek, qtilthom għax xi ħadd għawwiek, għamiek bil-korla, bil-mibegħda, bil-ġelosija”. U Ġiljan iqatta’ ħajtu jagħmel penitenza. Redemit te, caritas. Inti li kont ħati, imma wkoll għax għammewk u xewwewk ta’ delitt daqshekk faħxi, inti fdejt lilek innifsek u sirt qaddis bl-imħabba u bil-karità.
     
    L-imħabba u l-karità f’San Ġiljan
    Fid-Duomo ta’ Macerata fejn hemm il-fdalijiet ta’ San Ġiljan, fl-iżjed post ta’ devozzjoni antika lejh, miġbura madwar il-fdalijiet qaddisa tiegħu, hemm l-ikonografija li ġġibu fuq ix-xmara ħdejn Potenza fl-Italja, jgħin lill-pellegrini jaqsmu x-xmara. Ħajtu kollha kienet ta’ tragettier, hu min hu, bid-dgħajsa ċkejkna tiegħu, iwassal minn xatt għall-ieħor tax-xmara, eluf u eluf ta’ nies. Tradizzjoni qawwija tgħallimna li San Ġiljan bi tpattija tad-dnub ikraħ tiegħu, mhux biss id-dnubiet kontra l-ambjent, imma saħansitra d-dnubiet kontra l-ġenituri tiegħu billi qatilhom, kien ukoll jgħin lil min hu batut b’mod speċjali lill-lebbrużi.
    Hemm l-istorja ħelwa ta’ maltempata qawwija li bir-riħ tobrom anke fuq ix-xmara, id-dgħajsa ċkejkna tiegħu tkun se tegħleb u hu jsalva, jaqbad lebbruż b’dik il-marda kiefra li fi żmien elf u tlett mitt sena ilu kienet tittieħed. Ma jibżax: redemit te, caritas, fdietek l-imħabba, il-karità. Ġiljan jgħallimna fit-traġedja tad-delitt tiegħu imma jgħallimna wkoll fil-ħajja tiegħu ta’ tpattija.
     
    Il-karita’ tnaddfek mill-mewt u d-dnub
    F’din is-Sena ta’ Ħniena, aħna nduru lejn San Ġiljan u nitolbuh jgħallimna l-indiema. Hu qatta’ ħajtu jpatti għal dnub ta’ mument, ta’ ġenn u ta’ passjoni. Aħna ħafna drabi, irridu li l-miżerikordja u l-ħniena jkunu kemm jista’ jkun irħas – anke jien meta mmur inqerr nibda ngħid: ‘nispera ma jagħtinix penitenza ħarxa’. Aħna drajna li l-penitenza tagħna kemm jista’ jkun, tkun irħisa. San Ġiljan jgħallimna l-kruha tad-dnub bil-penitenza kbira li għamel. Il-karità tiegħu ħelsitu mill-mewt, il-karità tiegħu naddfitu mid-dnubiet tiegħu għax il-karità tiegħu kien mezz kif hu sab il-ħniena – kien mezz kif hu sab il-ħajja ta’ dejjem.
     
    “Ma ngħerrux lilna nfusna bin-nostalġija tal-passat”
    Meta nħares lejn il-lokalità ta’ San Ġiljan magħrufa għal ħafna affarijiet b’mod speċjali għall-paċi, għandkom belt imsejħa għall-paċi – propjament għal ‘Pace’ kienet – imma nistaqsu lilna nfusna: imma kemm għandna kontradizzjonijiet fil-pajjiż? Il-belt li ma torqodx jisimha Paceville. Il-belt li ma torqodx! Il-belt li ħafna drabi biex nagħmlu erba’ soldi lanqas jimpurtana mis-sikurezza ta’ wliedna. Qatt nistgħu ninsew aħna x-xena ta’ dawk iż-żgħażagħ jaqgħu fuq xulxin f’taraġ tal-ħġieġ? U x’għamilna? Se nkomplu nisimgħu b’delittti f’Paceville ta’ aggressjoni, ta’ droga u ta’ prostituzzjoni? M’għandu xejn x’jgħallimna San Ġiljan? Jiena nitlob ħafna lil San Ġiljan llum intom u tiċċelebraw il-mija u ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa. 125 sena ilu t-territorju tal-parroċċa kien ċkejken, kien nimmaġina inqas mibni u forsi l-kwalità tal-ħajja kienet sempliċi – ma rridx ngħid isbaħ – imma għandna aħna ngħerrru lilna nfusna bin-nostalġija għall-passat meta l-preżent huwa f’idejna? Meta l-preżent huwa f’idejna, nistgħu nibqgħu nħarsu lejn il-passat u ngħidu: “O xi ġmiel!” Il-preżent f’idejna! Id-deċiżjonijiet aħna neħduhom biex inħarsu s-soċjetà tagħna, nagħtuha kwalità ta’ ħajja tajba. Mhux biss il-flus, ir-rebgħa, il-mibegħda u l-għawi.
     
    San Ġiljan: mezz biex nitnaddfu minn dnubietna
    San Ġiljan, nitolbok tinterċedi għalina, għal Malta tagħna biex aħna nitgħallmu minnek li għandna triq tal-ħniena, għandna triq li teħlisna mill-mewt li aħna ktibna b’idejna stess. Għandna mezz biex nitnaddfu minn dnubietna u hija l-karità li fuqha se jiġġudikana l-Mulej; “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”. “Meta Mulej?” “Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. (Mt 25, 35-40) “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja”.
    “Il-karità hija aħjar milli taħżen id-deheb għax il-karità teħles mill-mewt u tnaddaf mid-dnubiet” (ara Tob 12, 8-9); hi mezz biex wieħed isib il-ħniena u l-ħajja ta’ dejjem. Iuliane, redemit te caritas, għażiż Ġiljan, fdietek l-indiema u l-karità tiegħek. Viva San Ġiljan.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Curia Communications Office, John Grixti