L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Marija għadha kemm semgħet lill-anġlu jgħidilha li l-Mulej kien qed jagħmlilha proposta: li hi tgħid ‘iva’ biex issir omm Alla. Tgħidlu: “Imma dan kif jista’ jkun? Ma nagħrafx raġel.” “Il-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej tgħattik. Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir”. U l-anġlu, biex jikkonferma l-kliem tiegħu, jagħti lil Marija ta’ Nazaret sinjal. “Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, dik li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala” (Lq 1:34.35.37).

Marija tgħid ‘iva’ għall-proposta tal-Mulej: “Ikun minni skont kelmtek” U l-anġlu jitlaq minn ħdejha” (Lq 1:38) mhux b’idu vojta imma dik l-‘iva’ ta’ mara żagħżugħa li tiftaħ il-bieb biex l-Iben ta’ Alla jsir bniedem, jitnissel dak il-ħin stess fil-ġuf tagħha u jibda l-ħajja tiegħu fostna fil-ġuf ta’ ommu.

Marija taf li l-qariba tagħha għandha bżonn l-għajnuna u hawnhekk jibda l-Evanġelju li għadna kemm smajna llum. “F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet f’belt tal-Lhudija” (Lq 1:39). Mill-Galilija, fejn hemm Nazaret, niżlet lejn il-Lhudija mhux ’il bogħod minn Ġerusalemm. It-tradizzjoni tgħidilna li dan il-post fejn kienu jgħixu Eliżabetta u Żakkarija, il-qraba ta’ Marija, kien Għajn Karem, post sabiħ ħafna għal min xi darba jkollu l-grazzja jżur l-Art Imqaddsa. Hemmhekk kien hemm il-familja li kellha tagħti l-ħajja lil Ġwanni l-Battista.

Marija tmur iżżur mara oħra li hi tqila. Nistgħu ngħidu li din hi laqgħa li qed niċċelebraw illum ta’ żewġ nisa tqal li qed iġorru lil uliedhom fil-ġuf tagħhom. U l-Evanġelju jgħidilna li hemm komunikazzjoni bejn dawn iż-żewġ ulied. Ma nistgħux narawhom aħna – illum ix-xjenza tkun tista’ turi l-wild fil-ġuf lill-ġenituri tat-tarbija – imma l-ommijiet kienu jafu li fil-ġuf tagħhom hemm il-ħajja. Eliżabetta kienet fis-sitt xahar. Marija kellha l-kelma tal-anġlu: “Dak li jitnissel minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin il-Għoli” (Lq 1:35). Hu mibgħut biex isalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom.

Eliżabetta tgħidilha: “Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (ara Lq 1:41). Biex ngħidu hekk, hu l-ewwel mument fejn il-prekursur, dak li jiġi qabel Ġesù, jagħraf lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-ġuf ta’ ommu u jaqbeż bil-ferħ. Kemm hu misteru kbir u sabiħ. Din iż-żjara tal-omm ta’ Alla li l-qariba tagħha, li fl-istess ħin tlaqqa’ lil Ġesù li għadu fil-ġuf, ma’ Ġwanni li għadu fil-ġuf. U kemm hu misteru kbir u sabiħ li Ġwanni fil-ġuf jaqbeż bil-ferħ meta jħoss lil Ġesù permezz tal-vuċi ta’ omm.

Illum nieqfu u naduraw dan il-misteru kbir ta’ komunikazzjoni bejn l-ommijiet u bejn uliedhom fil-ġuf. U allura wieħed jifhem għax nagħmlu festa kbira għat-tnissil ta’ Ġesù fil-25 ta’ Marzu – disa’ xhur qabel il-25 ta’ Diċembru, bħalma nagħmlu festa kbira wkoll għat-tnissil tal-omm fit-8 ta’ Diċembru, disa’ xhur qabel it-8 ta’ Settembru, it-twelid tagħha. Ma nagħmlux festa għat-tnissil ta’ Ġwanni, nagħmlu festa fit-twelid tiegħu fl-24 ta’ Ġunju, li hu prattikament sitt xhur qabel il-Milied.

Il-mexxejja tagħna u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jappellaw biex nieħdu l-vaċċin… Dan mhux kapriċċ. Hu espressjoni ta’ għożża għalina nfusna u għal ħaddieħor.

Nistgħu ngħidu li hemm misteru kbir f’din iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta għax b’xi mod tantiċipa dak li se jagħmel magħna Binha. X’għamlet l-omm? Veru l-messaġġ tal-anġlu kien biex jipperswadiha li Alla hu qawwi, “li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1:37), imma hi bl-istint matern tagħha għax issa omm, imma wkoll bil-ġenerożità tagħha, tgħid: “Mela Eliżabetta għandha bżonni” u taqbad tmur tħaffef biex tkun magħha. “U baqgħet hemmhekk għal xi tliet xhur” (Lq 1:56), prattikament sakemm twieled Ġwanna l-Battista.

Min jaf kemm-il darba f’dan il-post għażiż ta’ kura, ta’ professjonalità, ta’ dedikazzjoni ż-żjajjar lill-pazjenti jsiru mhux biss att ta’ mħabba imma wkoll att li permezz tiegħu l-Mulej jerġa’ jidħol fil-ħajja ta’ dak li jkun għax meta inti vulnerabbli bil-mard, f’qiegħ ta’ sodda, id-dinja tibda taraha minn perspettiva differenti. Dan il-post li fih qed niċċelebraw l-Ewkaristija fil-Ħadd ta’ qabel il-Milied, il-Mulej jgħallimna niltaqgħu miegħu fil-mard u fit-tbatija. Imma niltaqgħu miegħu wkoll f’dawk kollha li jagħtu ħajjithom fis-servizzi tas-saħħa li joffri dan l-isptar.

F’dan il-mument ta’ pandemija, kif se nesprimu l-għożża tagħna lil xulxin? Il-mexxejja tagħna u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jappellaw biex nieħdu l-vaċċin – l-ewwel, it-tieni doża u l-booster, jekk hemm bżonn. Dan mhux kapriċċ. Hu espressjoni ta’ għożża għalina nfusna u għal ħaddieħor. Hekk ukoll il-protokolli tas-saħħa. Forsi ma nistgħux nagħmlu l-vjaġġi iżjed għax hemm ħafna impedimenti imma hemm tant modi f’dan il-Milied qaddis li fih nistgħu nesprimu l-għożża li wriet Marija fiż-żjara tagħha lil Eliżabetta: “Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42). Din hi l-espressjoni ta’ Eliżabetta mimlija bl-Ispirtu s-Santu, ispirata mill-Ispirtu qaddis tal-Mulej li tinfexx f’għajta kbira. Hi t-tislima li nagħmlu lil Marija fl-Ave Maria għax dawn il-kelmiet ta’ Eliżabetta, nirrepetuhom f’kull sliema li ngħidu: “mimlija bil-grazzja. Il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42).

Il-Mulej jgħallimna niltaqgħu miegħu fil-mard u fit-tbatija. Imma niltaqgħu miegħu wkoll f’dawk kollha li jagħtu ħajjithom fis-servizzi tas-saħħa li joffri dan l-isptar

U aħna li nemmnu li l-frott tal-ġuf ta’ Marija, l-Iben tagħha hu Alla magħmul bniedem, nemmnu li hu frott tassew imbierek. U allura nitolbu ’l Mulej biex jagħtina l-istess ġenerożità ta’ ommu li ma ħasbitx fiha nnifisha – hi wkoll kienet mara tqila, kienet żgħażugħa – imma tagħmel vjaġġ biex tkun ħdejn persuna oħra li kellha bżonn. Fit-tieni qari hemm vjaġġ ieħor tal-Iben ta’ Alla li jgħid: “Hawn jien, ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10:7). F’dawn il-jiem nakkumpanjaw il-Mulej li ġej fostna. Ejja, Mulej Ġesù. Jalla jiġi fil-qalb tagħna, f’kull ambjent ta’ dan l-isptar, f’kull ambjent tas-soċjetà tagħna u miegħu jġib il-faraġ u s-saħħa li tant għandna bżonn.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mik 5:1-4a
Salm: 79(80):2aċ,3b,15-16,18-19
Qari II: Lhud 10:5-10
L-Evanġelju: Lq 1:39-45