L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Intom għamiltuha għar tal-ħallelin” (Lq 19:46). Dan il-kliem iebes jgħidu Ġesù llum fl- Evanġelju skont San Luqa. Jgħidu lill-bejjiegħa li kienu fit-tempju, u li hu ried ikeċċihom ’il barra mit-tempju. Jgħidilhom: “… id-dar tiegħi tkun dar it-talb. Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin”.

Għaliex Ġesù ikeċċi li dawn il-bejjegħa? Niftakru li dawn kienu hemmhekk biex ibigħu l-offerti għas-sagrifiċċju fit-tempju. Imma Ġesù ried juri b’mod ċar kif dawn kienu qegħdin jieħdu post il-qima lejn Alla, jaljenaw lin-nies mill-qima vera lejn Alla. Fit-tempju n-nies kellhom imorru biex jagħtu qima lil Alla, jisimgħu l-kelma tiegħu. Għalhekk dan kien post qaddis. Dan hu diġà messaġġ importanti għalina, għax il-knisja hija d-dar ta’ Alla, post qaddis, u aħna għandna dejjem nirrispettaw din id-dar ta’ Alla, ngħożżuha bħala post qaddis.

Kultant jiġri li jkun hemm xi ċelebrazzjoni partikulari, u l-knisja tispiċċa qisha sala fejn hemm xi attività. Il-Mulej ifakkarna llum f’dak li jgħid is-Salm 84: “Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti! Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej…għax jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor” (Salm 84:2-3.11).

Imma Ġesù juża espressjoni qawwija wkoll; mhux biss ikeċċi l-bejjiegħa, imma jgħidilhom: id-dar tiegħi “għamiltuha għar tal-ħallelin”. Għaliex jgħid hekk Ġesù? Din l-espressjoni tfakkarna f’dak li hemm fil-ktieb tal-Profeta Ġeremija, li juża l-istess espressjoni. Meta l-Mulej ikellem lil Ġeremija, jgħidlu: “Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom?” (Ġer 7:11) Ġeremija jwassal dan il-messaġġ lin-nies. U l-Mulej jgħid għaliex. Jgħidilhom: intom tiġu fit-tempju tal-Mulej, u tgħidu ‘it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, aħna salvi għax fit-tempju tal-Mulej’ imbagħad tmorru barra u tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żina, taħilfu fil-falz u tagħmlu dak kollu li hu mistkerrah quddiem Alla; u tiġu hawn biex tkomplu tagħmlu dak. Għalhekk jgħidilhom imbagħad: “Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom?”

U jgħidilhom: li jmisskom tagħmlu huwa li tiġu t-tempju, imma mbagħad il-ħajja li tgħixu tkun taqbel ma’ dak li qegħdin tgħixu u tiċċelebraw fit-tempju. U għalhekk li timxu sewwa, li tgħixu ħajja sewwa li tkun taqbel ma’ dak li jsir fit-tempju. Dan huwa messaġġ qawwi għalina, biex aħna dak li niċċelebraw fil-knisja, il-kelma li nisimgħu, il-qima li nagħtu lil Alla, il-ħajja li nagħrfu kemm hi sabiħa fil-knisja ngħixuha wkoll imbagħad barra l-knisja ħa jkun hemm din il-koerenza, dan il-qbil bejn dak li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum u dak li niċċelebraw.

San Pawl ifakkarna f’xi ħaġa ħafna importanti, meta fl-Ewwel Ittra lill-Korintin jgħidilhom: “Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis huwa t-tempju ta’ Alla li huwa intom” (1 Kor 3:16-17). San Pawl qed jgħid li l-knisja hija d-dar ta’ Alla, it-tempju ta’ Alla, li aħna għandna ngħożżu. Imma wkoll kull bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla, għandu din is-sejħa biex ikun tempju ta’ Alla. Għalhekk niftakru li ġisimna huwa t-tempju ta’ Alla, u nirrispettaw lill-oħrajn ukoll bħala t-tempju ta’ Alla. Kemm hu sabiħ meta tiftakar li aħna ġejna ffurmati, meta konna għadna lanqas twelidna, iffurmati fil-ġuf u hemm dan it-tempju ta’ Alla li qed jinbena! Kemm hu sabiħ u kemm għandna ngħożżu dan it-tempju ta’ Alla li qed jinbena!

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna jkollna dejjem f’qalbna din it-talba sabiħa: “Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej”. Ngħożżu l-knisja bħala d-dar ta’ Alla, ngħożżu wkoll il-ħajja ta’ kull bniedem maħluq xbieha ta’ Alla u msejjaħ biex ikun tempju ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop