L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Tolqotni ħafna f’Ġesù kif meta jkellem lid-dixxipli tiegħu qatt ma jbaxxi l-istandards għoljin tiegħu. Ma jgħidx: ħa nwessa’ naqra l-komma u nħalli l-affarijiet għaddejjin, la ħafna qed jaħsbu hekk. Imma jitkellem ċar, u kultant dak li jgħid ikun ukoll iebes.

Dan hu f’kuntrast ma’ dak li nisimgħu aħna kultant, il-mentalità li tgħid, u din hi komuni: “Din x’fiha? U mhux ħafna nies jagħmluha din?” Ħu dak li jsemmi llum fl-Evanġelju, l-adulterju. Ġesù ma jgħidx biss li l-adulterju hu ħażin, li raġel imur mal-mara ta’ ħaddieħor jew mara mar-raġel ta’ ħaddieħor hu ħażin. Imma jgħid ukoll: jekk int ikollok ix-xewqa tal-adulterju, diġà ħażin. Ġesù jmur iktar fil-fond u b’xi mod iktar iebes. Mhux biss li tagħmel, imma anke x-xewqa li għandek f’qalbek li qiegħda tmexxik. Għalhekk qed jgħid: hemm bżonn li aħna nkunu attenti biex ix-xewqat tagħna ma jiġrux bina.

Għalhekk jitkellem b’dak il-mod radikali meta jgħid: “Jekk idek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u itfagħha ’l bogħod minnek”. U l-istess jgħid għall-għajn, u kieku kompla jitkellem b’dan it-ton, kien jgħid l-istess għall-ilsien. Ġesù mhux qed jgħid li għandna nagħmlu ħsara lilna nfusna, lanqas xejn! Imma qed jgħid li hemm bżonn li aħna nagħrfu dak li hu ħażin, neżaminaw lilna nfusna biex dak li hu ħażin fina nrażżnuh u ma nħallux ix-xewqat ta’ qalbna jiġru bina, għax jistgħu jagħmlu ħerba.

Dal-kliem nafu li hu prattiku ħafna. Ġesù qed jgħid: quddiem il-ħażin, toqgħodx titlajja u taħsibha, għax dak li tħoss inkella se jiġri bik. Ħu dan li semma Ġesù. Int qed tara xi ħaġa u qed tagħmillek ħsara; tgħidx “ħa nistenna żewġ minuti forsi tgħaddi u kollox ikun tajjeb”, imma warrab int, jew warrab dak li qed jagħmillek il-ħsara. L-istess, per eżempju, jekk inti tgħid: “għandi idi qed tikolni biex nagħti daqqa ta’ ħarta lil xi ħadd li xebbagħni”, rażżan lilek innifsek. L-istess l-ilsien; jekk int tħalli lsienek itaqtaq, jew tkun lest tagħti xebgħa lsien lil xi ħadd, igdem ilsienek, ieqaf, għax se tagħmel il-ħsara, u anke lilek innifsek tagħmel ħsara meta dak li tħoss tħallih imexxik flok trażżan lilek innifsek.

Dan li qed jgħid Ġesù. Nafu li neħtieġu ħafna l-għajnuna tiegħu, għax aħna dgħajfin, imma hu possibbli li aħna nrażżnu lilna nfusna biex nagħżlu t-tajjeb. Araw kemm hu possibbli. Araw l-esperjenza li għexna f’dawn l-aħħar ġimgħat. X’kien l-appell, u l-appell floku, mill-awtoritajiet tas-saħħa? Kien: rażżan lilek innifsek, iċħad ftit lilek innifsek. Allura toqgħod ġewwa meta tixtieq toħroġ. Tixtieq tiltaqa’ mal-ħbieb, imma oqgħod ġewwa. Għaliex? Minħabba valur kbir li hu l-ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja. Għal dak il-valur għandek trażżan lilek innifsek, tiċħad lilek innifsek, u ma tħallix dak li tħoss imexxik. Dan ifisser li din lesti nagħmluha meta hemm il-ħtieġa. Għalhekk Ġesù jgħidilna biex għall-valuri li hu jsemmilna, hemm bżonn inrażżnu lilna nfusna.

San Pawl jgħid lil Timotju: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ mħabba, ta’ qawwa u ta’ rażan” (2 Tim 1:7). Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja u l-qawwa tiegħu fid-dgħufija tagħna. Jgħinna ma nħallux ix-xewqat ta’ qalbna jew dak li jkun hemm f’qalbna jikkmandana u jmexxina, imma nagħrfu nrażżnu lilna nfusna ħalli nagħżlu dejjem dak li hu sewwa quddiemu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju