L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan id-diskors imqanqal hu diskors Ġesù, li jgħidu lid-dixxipli tiegħu f’Ħamis ix-Xirka. Kien jaf li se jkun ittradut, mogħti f’idejn il-ħżiena, kif jgħid hu stess, ikkundanat għal mewt l-iżjed ħarxa. Fl-istess ħin jitkellem dwar il-paċi. “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Id-dinja twegħedna ħafna, imma meta tfittex, tfittex; kollox isirlek suf. Il-Mulej f’mument ta’ emozjoni kbira, jgħid lid-dixxipli, “Tħallux qalbkom titħawwad u lanqas titbeżża’” (Ġw 14:27), u  javżhom li ser jinfired minnhom. Għall-Mulej Ġesù, ‘l-‘pascha’, jiġifieri l-passaġġ mill-mewt għall-ħajja, mit-tbatija ħarxa tiegħu, huwa l-mod kif irid jobdi lill-Missier u jasal għand il-Missier. “Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier” (Ġw 14,28).

Jitkellem ukoll dwar il-poter tal-prinċep tad-dinja, l-prinċep tad-dlamijiet, tal-ħażen, u tal-vjolenza. Dak li jirvilla fuq il-ġisem għażiż ta’ Ġesù fil-passjoni tiegħu. “Kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel” (Ġw 14:30). Xi tfisser din l-espressjoni? li għalina li nafu minn xiex kellu jgħaddi Ġesù, u nifhmu li għadda minn ħafna, imma Ġesù jgħid li “kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel”. Donnu għal Ġesù, il-passjoni ħarxa tiegħu li biha jagħti xhieda tal-ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier, mhijiex żgur ir-rebħa tal-ħażen, imma għotja ta’ mħabba. Għalkemm ser jgħaddi minn turufnamenti kbar, minn tbatija ħarxa, din il-magħmudija, il-full immersion fit-tbatija; il-lingwaġġ tiegħu jibqa’ l-lingwaġġ tal-imħabba.

“Ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier u li nagħmel kif ordnali l-Missier” (Ġw 14:31). Tant qaddisin taw ħajjithom biex jagħtu xhieda ta’ kemm iħobbu lill-Missier, u li għamlu kif ordnalhom il-Missier. Aħna ħafna drabi nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet fejn irridu nagħmlu għażliet li ma jkunux faċli. Ejjew illum inħarsu lejn Ġesù, li l-istedina tiegħu għall-imħabba li tah il-Missier, kienet stedina bi prezz għoli ħafna. Wara hemm is-sigriet tas-sliem li jagħtihulna, mhux kif tagħtih id-dinja, imma huwa sliem li ma jeħodulna ħadd.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 14:19-28
Salm: 144 (145), 10-11.12-13ab.21
Evanġelju: Ġw 14:27-31a