L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fit-tielet kapitlu ta’ San Mark għandna din ix-xena straordinarja ta’ folol kbar li jippruvaw jersqu lejn Ġesù. L-evanġelista San Mark jgħid li kienu jeħdulu l-morda u “dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh” (Mk 3:10).
In-nies kienu insistenti li jmissu lil Ġesù. San Mark ma jagħtiniex teoloġija kbira tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem imma kemm-il darba jagħtina xeni fejn in-nies jew iridu jmissu lil Ġesù jew Ġesù stess imidd idu biex imiss u jfejjaq lil xi ħadd. B’hekk jagħtina xorta waħda dan is-sens tal-qawwa ta’ Alla li hemm fl-Iben tal-Mulej li jsir bniedem fostna. Aħna nistgħu narawh, nilmħuh, nisimgħuh, u mmissuh.
Il-poplu jiġi minn kull naħa tal-inħawi mhux biss mill-poplu Lhudi. Fil-lista twila li smajna fil-bidu ta’ din is-silta hemm ukoll ambjenti li ma kinux Lhud, kienu ambjenti pagani: Tir, Sidon, u l-Idumija n-naħa l-oħra tal-Ġordan. Dawn kollha kienu ambjenti li ma kienx hemm ħafna Lhud fihom imma kienu wkoll artijiet pagani, dak li mbagħad isejjaħ wkoll id-Dekapoli, ir-reġjun ta’ għaxart ibliet (ara Mk 3:8).
Tant hija qawwija l-folla li Ġesù jitlob lid-dixxipli biex jibbukkjawlu dgħajsa biex joqgħod fuqha u jkun hemm ftit distanza ħalli mhux biss ma jagħfsux fuqu imma jkun jista’ jgħallem bil-kumdità. Imma għalkemm japprezza l-għatx li għandhom in-nies għalih, Ġesù ma jeħux pjaċir meta l-ispirti l-ħżiena jagħrfu min hu — għax ix-Xitan għandu intelliġenza spiritwali u anġelika u allura jagħraf min hu l-Iben t’Alla — imma Ġesù ma jridx ix-xhieda tax-Xitan, anzi jixtieq li hu juri min hu propju billi jobdi ’l Missier.
Aħna nafu li l-Mulej juri l-identità veru tiegħu quddiem id-dixxipli privatament fuq it-Tabor meta l-Missier jgħidilhom: “Isimgħu lilu” imma l-Mulej jgħidilhom: “Tgħidu ’l ħadd qabel Bin il-bniedem imut u jqum mill-imwiet” (Mk 9:7.9). Dak huwa l-mument fejn Ġesù juri tassew min hu.
Aħna u nersqu bil-mod il-mod lejn ir-Randan, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, nifhmu li f’dak il-mument Ġesù juri min hu. M’għandux bżonn li jagħrfu x-Xitan u jikxfu imma jrid li aħna nifmhu li huwa l-imħabba ta’ Alla magħmul bniedem propju meta nkunu xhieda tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Din kienet il-fidi anke taż-żagħżugħa Anjeże, tfajla ta’ 12-il sena li tħalli kollox, ma tridx tiċħad ’l Ġesù u ma tibżax quddiem il-bojja, fejn illum hemm Pjazza Navona, biex jaqtgħulha rasha. X’kuraġġ fi tfajla daqshekk żagħżugha! Imma dan il-kuraġġ ġej minn fidi qawwija li Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, jista’ jagħtiha l-premju tal-ħajja ta’ dejjem li lilu trid tingħata u lilu ma tridx tiċħad.
Ejjew nitolbu aħna, li aħna tant dgħajfin, bl-interċessjoni u l-qawwa tal-qaddisin, fosthom ta’ Sant’Anjeże, ikollna iżjed kuraġġ fix-xhieda tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lhud 7, 25 – 8, 6
Salm: 39 (40), 7-8a.8b-9.10.17
Evanġelju: Mk 3, 7-12