L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għadna fil-bidu tal-Evanġelju skont San Mark u mill-ewwel jibda argument kbir li jwassal ’l Ġesù għal fuq is-salib: il-libertà li kellu li jipproteġi l-bniedem u jpoġġi fit-tieni post il-Liġi tas-Sibt.
Il-Liġi tas-Sibt kienet liġi importanti ħafna għall-poplu Lhudi – għadha sallum – għaliex fil-jum tas-Sibt Alla strieħ u allura l-bniedem ukoll huwa msejjaħ li jistrieħ, eżempju ma stajtx tagħmel xogħol ta’ ħsad. Imma Ġesù qed iħares lejn il-ġuħ li għandhom id-dixxipli tiegħu u jfakkar lil sħabu l-Lhud f’dak li kien għamel David meta n-nies tiegħu kellhom ġuħ kbir, u waslu fit-tempju, u lill-qassis il-kbir qalilhom: “Ma għandix f’idejja ħobż li jista’ jieklu kulħadd; mhawnx ħlief ħobż ikkonsagrat” (1 Sam 21:5). David u sħabu kielu minn dan il-ħobż għaliex kellhom il-ħtieġa. Ġesù juża din il-kelma: “kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ” (Mk 2:25).
Hawnhekk Ġesù mhux biss qed juri għerf kbir imma wkoll qed jgħallimna li l-liġi tan-neċessità meta jkun hemm il-ħtieġa; ma nistgħux noqgħodu nfettqu. Jekk bniedem għandu l-ġuħ irid jiekol. Ħafna drabi wieħed ukoll huwa ġġustifikat li jekk għandu l-ġuħ jiekol, jara xi ħaġa tal-ikel u jeħodha. M’ilux kien hemm xi ħadd li ġie kkundannat għax seraq xi ħaġa tal-ikel. Qed ngħidu f’pajjiżna! Ħafna drabi min jagħmel affarijiet oħra jkollu sentenża sospiża, imam dan ir-raġel intbagħat il-ħabs.
Hawnhekk m’aħniex forsi qed nuru l-għaqal biżżejjed biex jekk bniedem qiegħed fil-bżonn nifhmu li għandu bżonn jiekol. U ħafna drabi anke bejnietna nkunu ħorox ħafna, insawtu lil xulxin, għax il-liġi taf x’tgħid? Ġesù jgħallimna x’għandu verament bżonn il-bniedem.
Xi ħaġa oħra li xtaqt insemmi llum hija idea sabiħa li jintroduċi l-awtur tal-Ittra lil-Lhud. Hija ittra sabiħa ħafna u twila li titkellem dwar is-sagrifiċċju ta’ Ġesù bħala s-saċerdot tal-Patt l-Ġdid. Tagħti ċertu pariri lill-komunità Nisranija ġdida li kellha wkoll mumenti ta’ persekuzzjoni u ta’ tfixkil, bħalma jkollha dejjem.
Xi ħaġa sabiħa li hemm bżonn niftakru hija dik li jgħid l-awtur fl-Ittra lil-Lhud: “Alla mhux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin” (Lhud 6:10). Il-qaddisin huma l-aħwa. Kultant tagħmel ħajtek taqdi imbagħad tagħmel xi waħda kbira u Alla jinsa l-ġid kollu li għamilt u jikkastigak ta’ dik il-ħaġa li għamilt.
Ejjew nikkalmaw ftit fuq dil-ħaġa. Il-kelma tal-Ittra lil-Lhud hija importanti. “Alla mhux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin”. L-imħabba li nuru lil xulxin, Alla ma jinsieha qatt. L-imħabba tgħatti d-dnubiet. Ngħid tgħatti d-dnubiet ta’ fraġilità, dak li jiġri fir-rabja jew fil-passjoni. Alla ma jinsiex l-imħabba li nuru ’l xulxin. Din l-imħabba ma titħassarx u din hija kelma li xtaqt infakkarkom biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin sabiex ikollna dan il-faraġ li nkunu qaddejja għal xulxin, li nkunu qaddejja tal-qaddisin fl-imħabba għax Alla huwa ġust u se jiftakar f’dak li għamilna b’imħabba.
Ejjew nitolbu wkoll għal tant ħutna Nsara li jagħtu ħajjithom għall-proxxmu, għal Ġesù. Forsi mhumiex Kattoliċi, huma Ortodossi, Protestanti. Alla ma jinsiex l-imħabba li nuru għal xulxin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lhud 6:10-20
Salm: 110 (111), 1-2.4-5.9 u 10ċ
Evanġelju: Mk 2:23-28