L-Isqof Awżiljarju, Mons. Charles J. Scicluna, ser jipprietka l-eżerċizzi spiritwali tar-Randan għall-koppji miżżewga u għall-ħaddiema, u wkoll joffri l-omelija fuq l-Evanġelju tal-Ħadd f’żewġ parroċċi differenti. It-tema ġenerali ta’ dawn l-eżerċizzi hi l-Ferħ tal-Evanġelju: Evangelii Gaudium.
L-omeliji fil-parroċċi jibdew għada s-Sibt 8 ta’ Marzu, waqt il-Quddiesa tas-6.30 p.m. fil-Knisja Parrokkjali tal-Mosta. Dawn l-eżerċizzi ser ikomplu kull nhar ta’ Sibt sal-5 ta’ April. Sensiela oħra ta’ omeliji ser tibda l-Ħadd 9 ta’ Marzu waqt il-Quddiesa tas-7.30 p.m. fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid. Dawn l-eżerċizzi ser ikomplu kull nhar ta’ Ħadd sas-6 ta’ April.
Bejn l-24 u t-28 ta’ Marzu, l-Isqof Charles J. Scicluna ser jipprietka wkoll l-eżerċizzi spiritwali tar-Randan għall-ħaddiema. Dawn ser isiru fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Putirjal, il-Belt Valletta, bejn 12.35 p.m. u 13.05 p.m. Il-ħaddiema kollha li jaħdmu l-Belt, u ħaddiema oħrajn, huma mistiedna jattendu.
Il-kors ta’ eżerċizzi spiritwali għall-koppji mizzewġa ser isir ukoll bejn l-24 u t-28 ta’ Marzu, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sant’Elena, bejn is-7.30 p.m. u t-8.15 p.m. Il-koppji miżżewġa, speċjalment il-miżżewġin ġodda, huma mistiedna jattendu.
Ir-riflessjonijiet li ser jagħmel l-Isqof Charles J. Scicluna waqt l-omeliji tal-Quddiesa fil-parroċċa tal-Mosta ser ikunu disponibbli online fuq
www.thechurchinmalta.org.