-
Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu 2015, fis-6.30 ta’ filgħaxija, l-Arċisqof-elett Monsinjur Charles J. Scicluna, ser imexxi pellegrinaġġ penitenzjali u Għasar fil-parroċċa taż-Żurrieq.
Il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu, fis-6.00 ta’ filgħaxija, l-Arċisqof-elett ikompli bil-mixjiet penitenzjali ta’ żmien ir-Randan, billi jmexxi pellegrinaġġ fl-Isla, bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur.
Nhar il-Ħamis 19 ta’ Marzu, solennità ta’ San Ġużepp, fid-9.15 ta’ filgħodu, l-Arċisqof-elett imexxi Quddiesa solenni fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fir-Rabat. Fil-5.15 ta’ filgħaxija, Monsinjur Scicluna jieħu sehem f’korteo u Quddiesa fil-Parroċċa tas-Sagra Familja, l-Iklin, fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu, fis-6 ta’ filgħaxija, l-Arċisqof-elett imexxi purċissjoni penitenzjali mill-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù għall-Knisja Parrokkjali tal-Mosta, fejn jiċċelebra Quddiesa.
Is-Sibt 21 ta’ Marzu, filgħodu, isir l-Ingress Solenni fil-Katidral tal-Imdina. Programm aktar dettaljat ta’ din il-ġurnata jitħabbar aktar tard.
Bejn it-Tnejn 23 u l-Ħamis 26 ta’ Marzu, fis-7.00 ta’ filgħaxija, Monsinjur Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa u jagħmel omelija bl-Ingliż b’riflessjonijiet għal żmien ir-Randan, fil-kappella ta’ St Patrick’s, Tas-Sliema.
Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu, jum id-Duluri, fl-10.00 ta’ filgħodu l-Arċisqof-elett jiċċelebra Quddiesa fil-kampus tal-MCAST ġewwa Raħal Ġdid u fis-6.00 ta’ filgħaxija jieħu sehem fil-purċissjoni wara l-istatwa ta’ Marija Addolorata, fil-Belt Valletta.
Il-Ħadd 29 ta’ Marzu, fid-9.00 ta’ filgħodu, jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa bil-funzjoni liturġika ta’ Ħadd il-Palm, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.