-
-
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien li nieda l-Papa Franġisku, għada, t-Tlieta l-1 ta’ Settembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Onor. Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, ser jattendu għal ċerimonja ta’ tħawwil ta’ siġar fil-Park Nazzjonali, Ta’ Qali. Din l-attività qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent. Ġew mistiedna biex jieħdu sehem: studenti ta’ Skolasajf San Pawl il-Baħar, rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali u tal-iżviluppaturi, rappreżentanti tal-partiti politiċi u mexxejja ta’ denominazzjonijiet Insara oħra.
Biex jitfakkar dan il-Jum, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qassmet kartolina fil-knejjes biex l-Insara jirriflettu fuq ir-rikkezza u s-sbuħija tal-ħolqien, waqt li jqisu sewwa r-responsabiltajiet tagħhom dwar dan. Ir-riflessjoni hija bbażata fuq tliet temi ewlenin: il-Ħolqien, il-Flus u l-Verità.
It-test ta’ din il-kartolina (Agħfas hawn għal kopja) jista’ jintuża wkoll bħala talba qabel jew wara xi ċelebrazzjoni liturġika, l-aktar f’xi okkażjoni speċjali bħal ma hi dik tal-1 ta’ Settembru, jum li l-Papa Franġisku għażel biex flimkien ma’ l-Insara kollha, isir talb speċjali għall-ħarsien tal-ħolqien.