Il‑Bord għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja ser jilqa’ applikazzjonijiet għal numru ta’ postijiet vakanti għas‑subien, fl‑ewwel sena sekondarja (Form 1), fis‑sena skolastika 2016‑2017, fil‑Kulleġġ ta’ St Albert, il‑Belt Valletta, u l‑Kulleġġ ta’ Stella Maris, il‑Gżira. L‑applikazzjonijiet isiru nhar it‑Tlieta, 12 ta’ Lulju 2016, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, bejn id‑9:00 a.m. u nofsinhar.
Jekk jirriżulta li jkun hemm postijiet vakanti fi skejjel oħra tal‑Knisja, li ma jimtlewx minn dawk li huma fuq il‑lista ta’ stennija (waiting list), jintużaw dawn l‑applikazzjonijiet.
L‑applikazzjonijiet jintlaqgħu skont dawn il‑kriterji: Studenti skont l‑ewwel kriterju, jiġifieri tad‑Djar tal‑Knisja, aħwa, ulied ta’ impjegati fi skola tal‑Knisja u transfers, u skont it‑tielet kriterju, jiġifieri applikanti oħra. Għal dawn il‑postijiet mhumiex applikabbli każijiet serji.
L‑applikanti għall‑ewwel sena sekondarja jridu jkunu twieldu fis‑sena 2005. Min se japplika għandu jippreżenta dawn id‑dokumenti: Il‑Kattoliċi jippreżentaw ċertifikat tal‑Magħmudija (oriġinali, u mhux fotokopja); ċertifikat tat‑twelid (tal‑Insinwa) tat‑tifel (oriġinali, u mhux fotokopja); tintwera l‑Karta tal‑Identità ta’ missier jew omm it‑tifel, mhemmx bżonn ta’ fotokopja; ritratt tat‑tifel (daqs ta’ passaport). Jekk il‑ġenituri huma separati jeħtieġ id‑dokument riċenti li jindika l‑kustodja tat‑tfal. Il‑ħlas għall‑applikazzjoni huwa ta’ €15. Aktar dettalji fir‑Regolamenti tad‑Dħul li jinsabu fuq il‑websajt tal‑Knisja f’Malta:
www.thechurchinmalta.org.
Dan il‑proċess ser jitmexxa skont ir‑Regolamenti tad‑Dħul. Il‑polza tal‑applikanti ser issir nhar il‑Ħamis, 14 ta’ Lulju 2016, fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Il‑polza tibda fl‑10.00 a.m. Immedjatament wara ssir ir‑reġistrazzjoni tat‑tfal, għaldaqstant huwa importanti li l‑ġenituri jkunu preżenti għall‑polza.
F’kaz ta’ diffikultà wieħed jista’ iċempel 27790077 jew 27790060.