-
-
Il‑Ħadd 8 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa tal-Epifanija tal-Mulej, u laqa’ t-talba ta’ erba’ seminaristi u aċċetthom uffiċjalment bħala Kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Il-Kandidati huma Peter Ellul mill‑Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il‑Belt Valletta, Jean Gové mill‑Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s‑Sema, il‑Mosta, Aayrton‑Ray Muscat mill‑Parroċċa ta’ Santa Luċija, l‑Imtarfa, u Matthew Pulis mill‑Parroċċa tal‑Familja Mqaddsa, l‑Iklin. Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Click here to see all photos of the Celebration of Mass.
The Celebration of Mass on YouTube
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
8 ta’ Jannar 2017First of all a warm welcome to our English speaking guests, to our guests from abroad who have joined us for this solemn celebration of Epiphany.
Huwa verament mument għażiż għalina jekk nirriflettu li din il-festa li qegħdin niċċelebraw llum, il-festa tal-Epifanija, tiċċelebra wkoll l-għerq, ir-rieda tal-imħabba tal-Missier fuq il-ġens tagħna u fuq pajjiżna. Il-festi tal-Milied li ċċelebrajna f’dawn l-aħħar ħmistax-il ġurnata, il-messaġġ tat-twelid ta’ Ġesù, kien indirrizzat l-ewwel nett lill-poplu ta’ Israel, lir-ragħajja. Illum jiġi muri u mwassal lill-ġnus. Aħna nappartjenu lil din il-kategorija ta’ bnedmin li, permezz tal-misteru kbir tal-Epifanija, qegħdin niġu msejħa biex niltaqgħu ma’ Ġesù, dak li l-appostlu Missierna, hu u jikteb lill-Efesin, isejjaħlu “pjan ta’ grazzja” (Ef 3, 2), fi kliem ieħor, pjan ta’ mħabba. Il-pjan tal-imħabba li Alla tana għall-ġid tagħna jgħid, “għaliex aħna msejħin bħall-poplu Lhudi għall-istess wirt, biex inkunu membri tal-istess ġisem, il-ġisem ta’ Ġesù, u jkollna sehem mill-istess wegħda fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju” (v. 6).
Aħna u nħabbru llum il-misteru tal-Għid li se niċċelebraw fis-16 ta’ April, aħna niftakru li niċċelebraw ukoll fl-10 ta’ Frar il-miġja fostna ta’ Lhudi li ġabilna l-oħla dawl. Niċċelebraw illum dak li kiteb tant b’mod sabiħ il-poeta nazzjonali Dun Karm: “Lil din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha”, din l-art ħelwa inti libbistha bl-oħla dawl (Innu Malti). Dan id-dawl huwa d-dawl li jiddi llum, mhux biss fil-kewkba imma fil-wiċċ tat-tfajjel Ġesù li jattira lejh lill-ġnus.
Il-Maġi li ġew mill-Lvant, fihom isseħħ il-profezija li smajna fl-Ewwel Qari: “Is-sebħ ta’ Ġerusalemm jiddi fuq il-ġnus” (ara Is 60, 1). Aħna wkoll irridu nkunu, bħala poplu Nisrani li f’din il-festa jiċċelebra l-għerq tal-vokazzjoni Nisranija tiegħu, tas-sejħa li jiltaqa’ ma’ Ġesù, irridu nkunu wkoll ‘epifanija’. Il-kelma ‘epifanija’ tfisser propju din id-dija li ddawwar il-madwar: epiphaneia. Aħna rridu nkunu ‘epifanija’, irridu nuru mhux biss bil-kelma tagħna, imma l-iżjed bl-atteġġjamenti tagħna, bil-fatti, b’mod konkret, id-dawl ħelu ta’ Ġesù, l-oħla dawl, l-iżjed dawl ħelu.
Jiena nsellmilkom għeżież Peter, Jean, Aayrton-Ray u Matthew, insellem lill-ġenituri għeżież tagħkom li llum qegħdin jakkompanjawkom biex idealment jippreżentawkom lill-Knisja. Il-Knisja tilqagħkom, tilqa’ wkoll ir-rieda tagħkom li tibdew il-mixja mill-qrib ħafna biex tkunu ordnati djakni, imbagħad saċerdoti. Fil-ġenituri tagħkom jiena nara lill-komunità Nisranija li qegħdin hawnhekk illum biex jissapportjawkom, il-parroċċi minn fejn ġejtu: San Pawl Nawfragu, Marija Mtella’ s-Sema, il-Mosta, Santa Luċija l-Imtarfa, u l-Familja Mqaddsa, l-Iklin.
Għandna żewġ parroċċi ta’ tradizzjoni kbira u żewġ parroċċi ta’ żgħożija kbira u intom b’xi mod, intom l-erba’, tfissru mhux biss l-għeruq tad-djoċesi imma anke l-futur sabiħ, it-tama kbira. Hija grazzja kbira għalija personali li nilqgħek, Aayrton-Ray u lil dawk il-vokazzjonijiet kollha li jridu joħorġu mill-Imtarfa, mill-parroċċa għażiża tiegħek. Inti wkoll, Matthew li nafek abbati miegħi żgħir, f’dik il-kappella żgħira, garage, illum waqqgħuha, għamlu xi flats, fejn konna ninġabru komunità ċkejkna imma ħerqana biex niċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd. Konna fqar imma kuntenti ħafna, ferħanin bil-fidi tagħna.
Jiena hekk nixtieq li jkunu l-komunitajiet tagħna, komunitajiet ħerqana, mhux marbutin bil-frilli ta’ din id-dinja, imma li jsibu l-essenzjal fil-kelma ta’ Ġesù u fl-Ewkaristija. Wara kollox il-Maġi x’sabu? Il-Maġi sabu tfajjel, lil ommu u lil missieru. F’dik ix-xena sempliċi huma raw dawl, huma ħassew ferħ kbir, huma u jiltaqgħu ma’ Ġesù. Jiena nawguralkom li anke intom, mhux f’din il-mixja li se tqarrabkom l-ewwel nett għall-ministeri imma mbagħad għad-djakonat u għall-presbiterat, intom tkunu ‘epifanija’ ta’ ferħ, il-ferħ li jattirakom lejn Ġesù; kunu intom l-‘epifanija’ tiegħu, għeżież seminaristi.
Jiena wkoll insellem lill-komunità Nisranija Maltija u f’dan il-jum tal-Epifanija ngħidilha: la tibżax, agħmel kuraġġ, imla l-qalb tiegħek bit-tama, imma kompli fittex li tiltaqa’ ma’ Ġesù anke f’ċirkustanzi diffiċli jew mibdula, jew inkella ta’ sfida. Ejjew inkomplu nfittxu l-wiċċ ta’ Ġesù, ma nibżgħux nibdew il-vjaġġ qaddis li jwassalna lejh, dak il-vjaġġ qaddis iggwidat mill-kewkba ggwidat mill-elementi tas-sema, imma li jibqa’ vjaġġ fuq l-art, saqajna konkretament ankrati mal-ħajja, imma fl-istess ħin dejjem f’mixja.
“Rajna l-kewkba tiegħu u ġejna nqimu lill-Mulej” (Mt 2, 2). Jalla kull min jiltaqa’ magħna, kull min jiltaqa’ magħkom, ikun jista’ jgħid: ‘rajna d-dija tiegħu kemm nixtieq li niltaqa’ miegħu, kemm nixtieq li jiena wkoll inkun parti minn dan il-misteru kbir ta’ grazzja, ta’ mħabba li jkolli l-istess wirt li hija l-maħfra, li nkun membru tal-istess ġisem (ara Ef 3, 6) li hija l-Knisja tiegħu, il-ġisem ħaj ta’ Ġesù u li jkolli sehem mill-istess wegħda, il-wegħda tal-paċi fl-art u tal-ħajja ta’ dejjem’.
Today we celebrate the vocation of all nations to meet Jesus and as we celebrate the solemn feast of Epiphany, we thank the Lord for calling all nations to this wonderful meeting with his mercy, his grace, his love made incarnate and the face and the heart of Jesus.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos/Video: Curia Communications Office