-
-
Is‑Sibt l‑1 ta’ April 2017, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil‑Knisja l‑Qadima ta’ Santa Venera, fil-bidu tal‑Viżta Pastorali fil-parroċċa ta’ Santa Venera.
Agħfas hawn għal iktar ritratti tal-Viżta Pastorali tal-Arċisqof fil-Parroċċa ta’ Santa Venera.
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Il-Knisja Qadima ta’ Santa Venera
1 ta’ April 2017L-Evanġelju huwa pjuttost twil, u tieħu pjaċir meta l-Evanġelju jinqara’ b’mod tajjeb u li jiftiehem, moqri b’mod stupend mill-Provinċjal, studjuż tal-Iskrittura. Se noffri ftit ħsibijiet qosra.
Nixtieqkom tiftakru kemm-il darba f’dan l-Evanġelju (Ġw 11, 1-45) tissemma’ l-kelma sabiħa ‘ħabib’. L-ewwel darba li nisimgħuha huwa meta ż-żewġ nisa, Marta u Marija, jibagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara ħabibek marid” (v. 3). Ġesù jirrikonoxxi din il-ħbiberija. L-Evanġelju ta’ Ġwanni jgħidilna: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru” (v. 5).
Dejjem jimpressjonani l-fatt li meta Ġesù rrakkonta parabbola għażiża ħafna għalih, dak l-għani u l-fqir li jittallab loqma ħobż, l-Evanġelju jgħid li Ġesù kien jinsisti li anqas minn dak li kienu jagħtu lill-ġriewi, ma seta’ jieħu. Tiftakru x’kien jismu l-fqir? Kien jismu Lazzru (ara Lq 16, 20). Dejjem jimpressjonani l-fatt li Ġesù dak l-isem kien ħafna għażiż għalih, tant hu hekk li l-għani ma nafux x’kien x’ismu, imma l-fqir Ġesù tah l-isem tal-ħabib tiegħu Lazzru.
Issa mhux Lazzru tal-istorja, imma Lazzru ta’ vera, miet. Ġesù jgħid li huwa l-mument fejn hu juri l-qawwa ta’ Alla (ara v. 4). Marta tifhem il-qawwa li għandu Ġesù. “Mulej kieku kont hawn, ħija ma kienx imut imma wkoll issa jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek” (vv. 21-22). Il-fidi kbira ta’ Marta li kienet taf lil Ġesù u fehmet il-qawwa tiegħu.
“Ħuk jerġa’ jqum”. Isimgħu Marta x’tgħid: “jiena naf li jerġa’ jqum fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum” (vv. 23-24). Aħna kapaċi ngħiduha din meta jmutilna xi ħadd? Meta jmutlek xi ħadd għażiż? Ġesù jgħidlek, permezz tal-Knisja tiegħu, “ħuk, oħtok, ommok, missierek, ibnek, bintek, jerġa’ jqum, terġa tqum!”. Kapaċi ngħidulu lill-Mulej: “Jiena naf li jerġa’ jqum, li ommi terġa’ tqum, li missieri jerġa’ jqum fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum?”
Ir-risposta ta’ Ġesù hija l-konferma. Kemm-il darba smajnihom fil-funerali dawn il-kliem li Ġesù jgħid lil Marta: “Jiena u l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (v. 25). Temmnu inti dan? Din il-mistoqsija Ġesù jagħmilha lili llum, jagħmilha lilek llum. “Temmnu inti dan?” Kemm hi sabiħa r-risposta ta’ Marta li aħna nixtiquha tkun ir-risposta tagħna: “Iva, Mulej, jiena nemmen li int il-Messija, l-Iben ta’Alla, dak li ġie fid-dinja” (v. 27).
Ġesù għandu bżonn iwettaq il-kliem tremend li qal, “sinjal li ma jkunux jistgħu imeruh” (ara v. 42), xorta waħda merewh. “Lazzru, oħroġ” (v. 43). Lazzru li kien ilu erbat ijiem fil-qabar – importanti dan id-dettal ta’ erbat ijiem, għax il-Lhud kienu jgħidu li wara t-tielet jum, ħadd ma jista’ jirritorna mill-imwiet. Mela Lazzru kien qiegħed f’kundizzjoni li ma jistax jirritorna bl-ebda mod, imma Ġesù isejjaħlu lura mill-mewt.
Hu jagħti sinjal tant qawwi li l-għedewwa tiegħu mhux biss riedu joqtlu lil Ġesù, imma riedu joqtlu wkoll lil Lazzru, għax hu sar xhieda tal-qawwa tal-Mulej. Aħna xhieda tal-qawwa tal-Mulej? Il-Knisja, meta tressaqna lejn il-Qrar, lil Ġesù tgħidlu: “Mulej, ara ħabibek marid”. Ġesù fis-sagrament tal-qrar jgħidilna: “oħroġ, oħroġ mill-qabar tad-dnub tiegħek”. Lill-Knisja jgħidilha: “ħollulu l-faxex tad-dnub, ħollulu l-faxex tal-vizzju, ħalluh imur bniedem maħfur fil-paċi ma’ Alla”, m’għadux jinten, id-dar timtela bil-fwieħa tal-ħniena ta’ Alla, tal-imħabba ta’ Alla, tal-fejqan u tal-qawmien. Ħafna mil-Lhud li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.
Aħna x’se nagħmlu dan l-Għid? Se nitolbuh lill-Mulej li jfejjaqna mill-mard tagħna? Se nitolbuh lill-Mulej li jgerbeb minn fuq qalbna l-ġebla tad-dlamijiet, l-ebusija tar-ras, l-ebusija tal-qalb, biex aħna wkoll inkunu xhieda tal-qawwa tiegħu? “Neħħu l-blata” (v. 39). Kemm tkun ħaġa sabiħa li fuq il-qalb tagħna Ġesù jkun jista’ jgħid, għax inħalluh, dan il-kliem qaddis: “neħħu l-blata”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos: Curia Communications Office