-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
19 ta’ Jannar 2019L-ewwel sinjal li Ġesù għamel kien waqt tieġ. Jiena nawguralkom li meta jasal il-jum u tasal il-ġurnata li ilkom tħejju ħafna għaliha, ma jkun jonqoskom xejn u ma jkun hemm l-ebda bżonn ta’ miraklu biex jitkattar l-inbid.
Is-sinjal li għamel Ġesù huwa l-ewwel nett sinjal tal-għożża tal-omm. L-omm tinduna li l-għarajjes naqashom l-inbid, li għandhom problema, u ta’ omm li hi tgħarraf lil binha. Ġesù beża’ u jgħidilha li għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu (ara Ġw 2: 4). U hi lill-qaddejja tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). B’xi mod timbuttah biex jagħmel l-ewwel sinjal. U nista’ nimmaġinaha timbuttah biex jagħmel l-ewwel pass, timbuttah biex jibda jitgħallem is-sengħa ta’ Ġużeppi u hu wkoll isir mastrudaxxa. L-omm dejjem wara binha ssegwi l-passi ta’ ħajtu u ssegwih b’imħabba. Aħna nafu li meta telaq kulħadd, hi kienet hemm ħdejn is-salib tiegħu. B’xi mod, bil-ħarsa tagħha, issegwih f’dak l-aħħar mument ta’ dulur u ta’ turment. Kienet hemm fl-ewwel sinjal tiegħu u kienet hemm ukoll fis-sinjal il-kbir tal-imħabba tiegħu meta kkundannat għall-mewt, hu ħafer u radd ruħu lill-Missier.
Marija se ssegwikom fiż-żwieġ tagħkom. Stednuha għat-tieġ bħalma bid-deċiżjoni tagħkom diġà stedintu lill-binha Ġesù.
Marija se ssegwikom fiż-żwieġ tagħkom. Stednuha għat-tieġ bħalma bid-deċiżjoni tagħkom diġà stedintu lill-binha Ġesù. Għażiltu li l-ħajja miżżewġa tagħkom tibdewha quddiem Alla. Intom tafu li hemm għażliet oħrajn imma i għamiltu din l-għażla. U din mhux għażla rħisa, mhux qed nitkellem fuq il-flus u l-ispejjeż, imma fuq it-tifsira profonda tagħha u fuq dak kollu li qegħdin timpenjaw ruħkom għalih. Għax intom għażiltu li tirċievu s-sagrament, anzi, għażiltu li s-sagrament taż-żwieġ tagħtuh lil xulxin bil-kunsens tagħkom. Għax dak hu s-sagrament: il-kunsens tagħkom, l-għotja tagħkom lil xulxin. Il-barka tas-saċerdot hija s-siġill fuq il-kunsens tagħkom imma l-kunsens tagħkom jagħmlu s-sagrament, la ċ-ċeremonja u la l-fjuri li jkollok, imma l-kunsens tiegħek! Il-kunsens huwa dik l-iva li se tagħtu lil xulxin u li se twasslu quddiem l-artal waqt li titolbu l-barka ta’ Alla fuqha. Dik hija l-iva li timpenjakom biex tagħtu ħajjitkom lil xulxin u lill-familja li Alla jrid iwaqqaf permezz tagħkom.
Li tagħżel iż-żwieġ Nisrani huwa att ta’ fiduċja f’Alla…
Li tagħżel iż-żwieġ Nisrani huwa att ta’ fiduċja f’Alla li permezz ta’ ibnu qallek: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Imma jgħidlek ukoll “jiena miegħek dejjem”. Huwa att ta’ fiduċja fikom infuskom, att ta’ fiduċja fil-komunità tal-Knisja, ta’ dawk li jemmnu. Jiena nitlob u nimpenja ruħi li ma nħallukomx weħidkom. Intom għandkom id-dritt li mill-Knisja tirċievu l-għajnuna kollha li għandkom bżonn biex din l-avventura u din il-missjoni, din il-vokazzjoni li Alla qiegħed isejħilkom għaliha, tgħixuha tajjeb fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li permezz tagħha tkunu sinjal ta’ tama għad-dinja.
Jiena nawguralkom ħafna li tippreparaw għat-tieġ b’mod spiritwali. Naf li dawn ix-xhur, forsi għal xi wħud ġimgħat, huma xhur ta’ impenn u ta’ ħafna ħsibijiet, u xi kultant ukoll xi inkwiet li ma tkunx qed tistennih, imma bħala koppja fittxu l-ħin li tkunu flimkien quddiem Alla. Jekk ilek ma tqerr, skopri xi tfisser tilqa’ u tifraħ bil-maħfra li jagħtik Alla. Dakinhar li tersaq għas-Sagrament taż-Żwieġ, ersaq ukoll għat-tqarbin b’qalb safja.
Tgħallmu tliet kelmiet: jekk jogħġbok, skużani u grazzi
U ’l Alla itolbu dawn it-tliet affarijiet: l-ewwel li s-sieħeb jew is-sieħba ta’ ħajtek ikun hu jew tkun hi biss; it-tieni li tkunu ta’ xulxin għal dejjem; u t-tielet li tilqgħu l-ulied li jibgħatilkom Alla bħala don kbir. Tgħallmu tliet kelmiet u użawhom mhux biss dakinhar tat-tieġ imma fiż-żwieġ: jekk jogħġbok (biex ma teħdux lil xulxin for granted), grazzi (biex intom tibqgħu tfakkru lil xulxin li intom rigal għal xulxin), u skużani (biex ikollkom il-libertà u l-umiltà titolbu maħfra lil xulxin u taħfru lil xulxin). Dawn it-tliet kelmiet ma vvintajthomx jien imma jirrepetihom il-Papa Franġisku u jiena wkoll nieħu pjaċir nirrepetihom għax huma riċetta ta’ kif il-koppja titgħallem li verament kollox huwa don ta’ Alla, anke l-mumenti diffiċli għax jgħallmuna u jimmaturawna.
L-aħħar parir tiegħi huwa li ssibu wkoll ħin għat-talb matul il-ġurnata. Nibagħtu ħafna messaġġi lil xulxin. Qabel kien ikollna l-post-it, inwaħħluhom mal-fridges u ma nafx fejn, illum il-ħin kollu għaddejjin bl-SMS. Imma lil Alla m’għandniex ċans inkellmuh jew nisimgħuh?
Intom u tippreparaw għat-tieġ tinsewx tkomplu tippreparaw għaż-żwieġ għax it-tieġ jiġi u jmur, u nawguralkom li jkollkom festa sabiħa, imma t-tieġ jiġi u jmur u jibqgħu biss il-kontijiet! Il-vera prova hija ż-żwieġ. Nawguralkom ukoll li jkollkom il-ferħ u l-entużjażmu ta’ min iħobb. Tinsewx li intom qegħdin tkunu msejħin biex tkunu sinjal ta’ tama għad-dinja. Meta d-dinja tħares lejkom tista’ tgħid: ‘Għandna futur’.
Jalla l-imħabba u l-fedeltà tagħkom ikunu wkoll ta’ tagħlima għalina li għandna bżonn nitgħallmu l-fedeltà ta’ kuljum, nitgħallmuha flimkien u għandna bżonn xhieda ta’ mħabba li tagħmlilna kuraġġ.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritatti