-
-
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ltaqa’ ma’ missjunarji Maltin li jwettqu ħidma pastorali f’diversi pajjiżi madwar id-dinja u li bħalissa jinsabu Malta. Għal din il-laqgħa li saret f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, attendew saċerdoti djoċesani, reliġjużi u lajċi li jaħdmu fil-Pakistan, il-Brażil, il-Filippini, l-Amerika ta’ Fuq, l-Awstralja, il-Kenja, il-Georgia u l-Perù.
Il-missjunarji qasmu l-esperjenzi u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-pajjiżi tat-tielet dinja fosthom il-faqar, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ faċilitajiet sanitarji u mediċi. Dawk li jgħixu f’pajjiżi żviluppati tkellmu dwar ir-realtà tas-solitudni u l-bżonn li tingħata aktar attenzjoni lill-ħtiġijiet tal-familja. Fost il-missjunarji lajċi kien hemm familja ta’ disa’ persuni li ilhom fil-missjoni fl-Olanda għal dawn l-aħħar 25 sena.
L-Isqof Galea-Curmi rringrazzja lill-missjunarji Maltin tax-xogħol li qed iwettqu f’isem il-Knisja Kattolika. Qal li l-kontribut tagħhom jixhed il-ġid li jsir mill-Knisja fil-ħajja tan-nies u li ħafna drabi jibqa’ mistur. L-Isqof żied jgħid li l-ħidma tagħhom tagħmel ġieħ lill-Knisja f’Malta.
Il-laqgħa kienet organizzata mill-Kummissjoni Emigranti flimkien mal-Uffiċċju Missjunarju.
-
-
-