
Illum hija ġurnata speċjali għal din il-komunità parrokkjali tal-Imqabba. Filwaqt li mal-Knisja fid-dinja kollha qed niċċelebraw is-Solennità tal-Qaddisin Kollha, qed nilqgħu lil Fr Martin Borg, il-kappillan il-ġdid ta’ din il-parroċċa, u nitolbu għalih fil-bidu tal-ministeru tiegħu bħala kappillan.
Din iċ-ċelebrazzjoni tieħu tifsira partikulari ħafna għaliex din il-komunità hija ddedikata lil Marija, Omm Ġesù u Omm il-Knisja. Taħt il-ħarsien tagħha, nixtiequ nibdew dan il-kapitlu ġdid b’fiduċja f’Alla u bit-tama li din il-parroċċa tkompli tikber fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.
Ilkoll imsejħin għall-qdusija
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħtina l-Beatitudnijiet. Jgħidilna li aħna henjin meta ngħixu dawn il-valuri sbieħ tas-Saltna ta’ Alla. Il-qaddisin ma kinux nies perfetti, li dejjem għexu dawn il-Beatitudnijiet b’mod perfett. Imma kienu nies li ħallew lil Alla jibdel lil qalbhom u li ppruvaw jgħixu l-imħabba tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Għalhekk, il-parroċċa li jrid Ġesù mhijiex sempliċement parroċċa bi knisja sabiħa, tradizzjonijiet antiki jew attivitajiet numerużi. Jalla jkollna dawn, imma Ġesù jrid li nkunu komunità li fiha n-nies iħobbu lil xulxin, jaħfru lil xulxin, jirrispettaw lil xulxin u jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Il-ħidma tagħna għall-qdusija trid tidher fil-mod kif nitkellmu fuq xulxin, kif inġibu ruħna meta ma naqblux, kif nilqgħu lil min hu differenti minna u kif infittxu r-rikonċiljazzjoni meta jkun hemm xi nuqqas ta’ qbil.
Marija sinjal ta’ għaqda
F’Marija, għandna l-aqwa eżempju ta’ dan. U fit-tieġ ta’ Kana, Marija qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dan il-kliem jgħodd ukoll għalina llum. Din il-parroċċa għandha responsabbiltà speċjali li timxi fuq dan il-parir tagħha.
Jekk irridu ngħixu magħqudin bħala parroċċa, jeħtieġ li npoġġu lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, u nagħmlu dak li jgħidilna hu. Mhux l-ambizzjonijiet personali tagħna, mhux ix-xewqa li dejjem ikollna raġun, u lanqas il-preferenzi tagħna, imma Ġesù għandu jkun il-qofol ta’ dak kollu li nagħmlu.

Irridu niftakru li ma nistgħux nonoraw lill-Madonna fit-talb u fl-istess ħin inħallu l-firda tbegħidna minn xulxin. Il-Madonna hija waħda, kemm jekk imtellgħa s-sema u kemm jekk imnissla mingħajr dnub, u kemm jekk taħt titlu ieħor. Hija waħda u hija għażiża. Min jifridha, mhux qima jkun qed jagħtiha; ikun qed ikasbarha. Imma jien nemmen li intom qima tridu tagħtuha.
Għalhekk, nitlobkom tgħinu lill-kappillan il-ġdid biex tagħmlu minn din il-parroċċa dar fejn kulħadd iħossu milqugħ, rispettat u maħbub; komunità fejn id-differenzi ma jsirux kawża ta’ firda, iżda opportunità biex napprezzaw lil xulxin u nitgħallmu minn xulxin.
Naħdmu mar-ragħaj tal-komunità
Il-kappillan huwa msejjaħ biex ikun ragħaj tal-komunità, biex ixandar il-Kelma ta’ Alla, jiċċelebra s-sagramenti, jakkumpanja lill-persuni, speċjalment lil min ibati, u jmexxi lill-poplu ta’ Alla fit-triq tal-qdusija, fit-triq lejn is-sema pajjiżna. Iżda l-kappillan u s-saċerdoti ma jistgħux iwettqu din il-missjoni waħedhom. Jeħtieġu t-talb, il-kollaborazzjoni u l-appoġġ tal-parruċċani kollha.

Għalhekk, illum mhux biss qed nibdew kapitlu ġdid għall-kappillan il-ġdid, iżda wkoll qed niġu msejħin biex inġeddu l-impenn tagħna lejn il-parroċċa. Kull wieħed u waħda minnkom għandu xi ħaġa x’joffri għall-ġid tal-komunità. Mhux kulħadd jista’ jagħmel kollox, iżda kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa. Irridu dejjem niftakru: dak li jgħaqqadna mhuwiex li dejjem naqblu f’kollox, iżda li lkoll irridu naqdu lill-istess Mulej u naħdmu għall-istess missjoni.
Għalhekk, ejjew nilqgħu lill-kappillan il-ġdid ta’ din il-parroċċa b’qalb miftuħa. Nitolbu għalih, nagħtuh l-appoġġ u nkunu lesti naħdmu miegħu, b’rispett u b’fiduċja reċiproka.
Dan ma jfissirx li qatt mhu se jkun hemm differenzi jew problemi. Ifisser li meta jinqalgħu, għandna niffaċċjawhom bil-kalma, nitkellmu b’rispett, infittxu l-verità u naħdmu għar-rikonċiljazzjoni. Meta nkunu weġġajna lil xi ħadd, ikollna l-umiltà nitolbu maħfra. Meta nkunu mweġġgħin, infittxu l-fejqan u mhux it-tpattija. U meta jkun hemm xi firda, ikollna l-kuraġġ nagħmlu l-ewwel pass lejn il-paċi.

Jalla din il-parroċċa tkun komunità fejn kulħadd ikun lest jisma’, jifhem u jikkollabora. Għax l-għaqda ma tfissirx li lkoll irridu naħsbu bl-istess mod. Tfisser li, minkejja d-differenzi tagħna, nibqgħu nirrispettaw u nħobbu lil xulxin bħala aħwa fi Kristu.
Bennejja tal-paċi
F’din is-Solennità tal-Qaddisin Kollha, ejjew niftakru li aħna wkoll imsejħin biex inkunu qaddisin. U wieħed mill-aħjar modi kif ngħixu din is-sejħa huwa billi nkunu bennejja tal-paċi, kif smajna lil Ġesù jgħid: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9).
Kemm tkun sabiħa parroċċa taħt il-patroċinju ta’ Marija fejn kulħadd ikollu kliem ta’ inkoraġġiment, fejn jaħdem għall-istess għan, fejn il-voluntiera jħossuhom apprezzati, fejn iż-żgħażagħ u l-anzjani jaħdmu id f’id, u fejn kull min jidħol fil-knisja jsib komunità li tilqgħu b’imħabba!

Tliet impenji
Nixtieq nistedinkom għal tliet impenji għal dan il-kapitlu ġdid fil-ħajja ta’ din il-parroċċa.
L-ewwel: nitolbu. Nitolbu għal Fr Martin, il-kappillan il-ġdid ta’ din il-parroċċa, biex il-Mulej jagħtih l-għerf u l-għajnuna; u nitolbu wkoll għal dawk kollha li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-parroċċa, u għall-parruċċani kollha, speċjalment dawk li għaddejjin minn żmien ta’ tbatija.
It-tieni: naħdmu flimkien. Kull wieħed u waħda minna jagħti sehmu b’ġenerożità, jirrispetta l-kontribut tal-oħrajn u jiftakar li lkoll qegħdin naqdu lill-istess Mulej, u taħt il-patroċinju tal-istess Ommna Marija.
It-tielet: inkunu bennejja tal-paċi. Nieħdu l-impenn illum li nkunu strumenti tal-paċi, li qatt ma nħallu l-firda tikber, li nfittxu l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni.

Jekk ngħixu dawn it-tliet impenji, il-bidu tal-ministeru tal-kappillan il-ġdid jista’ jsir tassew opportunità ta’ tiġdid għall-parroċċa tal-Imqabba. U meta n-nies jitkellmu fuq din il-komunità tal-Imqabba, nixtieq li ma jgħidux biss li hawn festi sbieħ – kif hawn – iżda li jgħidu wkoll: “Araw kemm iħobbu lil xulxin! Araw kemm jaħdmu flimkien! Ara kemm huma veri wlied ta’ Marija, Sultana tal-Paċi, u jixbhuha!”
Fr Martin, il-Mulej ibierkek u jħarsek; u jalla int tkun barka għal din il-parroċċa għażiża tal-Imqabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




