L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik! (Mt 16:22). Dan huwa l-kliem li Pietru jgħid lil Ġesù fl-Evanġelju, hekk kif hu juri lid-dixxipli tiegħu x’hemm jistennieh: it-tbatija, iċ-ċaħda, il-mewt, u mbagħad il-qawmien mill-imwiet. Pietru jitħawwad ħafna b’dak li jisma’. Ma jistax jaċċetta li l-Messija kellu jbati. Għalhekk, jiġbed lil Ġesù lejh, u jlumu.

Imma meta jgħidlu “Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”, Ġesù jwieġbu bi kliem qawwi ħafna, b’ċanfira li ma tantx tara bħalha fil-kliem ta’ Ġesù: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija! (Mt 16:23) Il-problema ta’ Pietru kienet li ried Messija mingħajr is-salib. Ried is-salvazzjoni mingħajr it-tbatija, ir-rebħa mingħajr is-sagrifiċċju.

Imbagħad Ġesù jdawwar kliemu lejn id-dixxipli kollha u jgħid: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16:24) Dan il-kliem huwa ċentrali għal kull min irid ikun dixxiplu ta’ Ġesù, għalina lkoll. Ġesù qed isejħilna biex niċħdu lilna nfusna, nerfgħu salibna, u nimxu warajh.

Iċ-ċaħda

Ħa nieħdu dawn it-tliet punti li jsemmi Ġesù. L-ewwel nett, jgħid: niċħdu lilna nfusna. Jista’ jkun li dal-kliem jinstema’ stramb f’dinja fejn ninsistu ħafna fuq li aħna għandna nfittxu li nilħqu l-milja ta’ ħajjitna. Ġesù ma jridx li aħna ma niżviluppawx it-talenti tagħna, jew ma nfittxux li nimxu ’l quddiem fil-karriera tagħna, jew li ma naħdmux biex inkunu aħjar. Xejn minn dan! Li tiċħad lilek innifsek ifisser li jkollok il-kuraġġ li tgħid “le” lilek innifsek f’dak li hu ħażin, f’dak li hu ta’ tfixkil.

Insemmi eżempju: xi ħadd jirrabjak. Tħoss fik ir-rabja, dik naturali. Imma tista’ tħalli r-rabja tmexxik u tibda tgħajjat, tinsulta, titkellem ħażin; u tista’ tiċħad lilek innifsek u ma tħallix ir-rabja tikkmandak, imma tibdilha f’azzjoni pożittiva. Iċ-ċaħda hi dejjem essenzjali għall-ħajja tagħna Nisranija. Mingħajr din iċ-ċaħda, kif qed jifhimha Ġesù, aħna nispiċċaw skjavi tal-passjonijiet tagħna, ikkmandati minn dak li nħossu. Biċ-ċaħda nagħrfu ngħixu ta’ nies, u noħolqu madwarna ambjent sabiħ.

Is-salib

Ġesu jgħid: “terfa’ salibek”. X’jiġifieri dan? Aħna kultant naraw xi ħadd jgħix magħna u ngħidu: dan hu s-salib li rridu nġorru; jew xi ħadd jaħdem magħna. Verament, ġieli hemm bżonn ħafna paċenzja u dan ikun is-salib. Kultant tista’ tkun marda, jew kundizzjoni. Hawn qegħdin f’din il-knisja ta’ San Franġisk, fejn hi meqjuma l-Madonna tas-Saħħa, u ħafna jiġu għandha b’salib bħal dan.

Imma rridu noqogħdu dejjem attenti. Terfa’ s-salib ma jfissirx li sempliċiment taċċetta dak kollu li jiġrilek. Ħa nsemmi eżempju: jekk inti persuna vittma ta’ abbuż, jew ta’ vjolenza domestika, u taħseb li dak hu s-salib tiegħek: li taċċetta l-abbuż, li tbati vjolenza domestika. Le, dak mhux is-salib li trid terfa’! Għandek salib, imma s-salib hu l-passi li trid tieħu, u l-għajnuna li trid tfittex, biex ma tibqax issofri abbuż, biex ma tibqax vittma ta’ vjolenza domestika. Dak hu s-salib.

L-istess, jekk inti qed taħdem xi mkien u tara madwarek prattiċi ta’ korruzzjoni jew serq minn taħt, ma tistax tirraġuna li dak hu s-salib tiegħek li trid iġġorr fis-skiet. Għandek salib verament, imma s-salib hu li tieħu l-passi neċessarji biex twaqqaf dak li hu ħażin. 

Li ġġorr is-salib ma jfissirx li taċċetta l-ħażen. Ma jfissirx li tħalli l-vjolenza tkompli. Ma jfissirx li tibqa’ sieket waqt li l-abbuż qed jeqred il-ħajja tal-bniedem. Li ġġorr is-salib ifisser li ssib il-kuraġġ u tgħid: dan hu ħażin, u għandu jieqaf. Is-salib jista’ jkun l-uġigħ li tkisser is-skiet, il-biża’ ta’ x’se jgħidu l-oħrajn, id-diffikultà li tibda mill-ġdid.

Ġesù nnifsu ma kkoperax mal-ħażen. Huwa kixef l-ipokresija, sfida l-inġustizzja, iddefenda lid-dgħajfa. Qagħad ma’ dawk li kienu miċħuda u midruba. U għalhekk, meta Ġesù jgħidilna biex nerfgħu s-salib tagħna, mhux qed jitlobna nkunu passivi quddiem il-ħażen. Qed jitlobna nibqgħu fidili lejn dak li hu sewwa, anke meta dan ifisser salib għax li nagħmlu t-tajjeb ikun diffiċli u ta’ tbatija.

Ġesù jgħid: “Min irid isalva ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha” (Mt 16:25). Nistgħu nifhmu dan il-kliem ta’ Ġesù. Xi drabi nippruvaw “insalvaw ħajjitna” billi nevitaw kull azzjoni, billi nipproteġu l-kumdità, ir-reputazzjoni jew is-sigurtà tagħna. Nibqgħu siekta għax li nitkellmu huwa riskjuż. Nagħmlu kompromessi għax li niddefendu l-verità huwa ta’ tbatija.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, ħajja mibnija fuq il-biża’ u fuq is-skiet ma tkunx tassew salvata. Nitilfu xi ħaġa minn ruħna kull darba li nħallu l-ħażen ikompli sempliċement għax li niqfilu jkun jiswielna wisq.

In-Nisrani mhux imsejjaħ biex ifittex it-tbatija. Aħna msejħin biex infittxu s-Saltna ta’ Alla. Iżda meta t-triq tal-verità twassal għat-tbatija, m’għandniex nabbandunaw il-verità sempliċement biex nevitaw is-salib.

Ġesù ġarr is-salib għax ħabb. U għalhekk, is-salib li nġorru għandu jkun dejjem salib ta’ mħabba. Qatt m’għandu jintuża biex jiġġustifika l-abbuż, l-oppressjoni jew il-vjolenza. Is-salib mhuwiex arma biex iżomm lill-vittmi fis-skiet, u ssaltan l-omertà. Huwa s-sinjal ta’ mħabba li tikkonfronta l-ħażen u tirrifjuta li tħalli l-ħażen ikollu l-aħħar kelma.

Il-mixja

Ġesù jgħidilna wkoll biex nimxu warajh – “jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja”. Hu jridna nimxu warajh fit-triq li fl-aħħar mill-aħħar ma tiqafx fit-tbatija imma twassal għall-glorja, għall-qawmien mill-imwiet.

Nimxu warajh ifisser li jkun hu li jagħtina d-direzzjoni ta’ ħajjitna, li tkun il-kelma tiegħu li tagħtina l-ispirazzjoni għal kif għandna ngħixu. Miegħu nafu li mexjin fit-triq it-tajba. Mingħajru nafu li faċli nidħlu fi sqaq li ma jwassalna mkien.

Li nimxu warajh ifisser li nimxu fit-triq tal-verità, tal-kuraġġ u tal-imħabba. Ifisser li ma nikkoperawx mal-ħażen, imma li ma nibqgħux siekta, iżda nitkellmu, anke meta li nitkellmu jiswielna ħafna.

Nitolbu lill-Mulej l-għajnuna biex inkunu tassew dixxipli tiegħu billi niċħdu lilna nfusna, nerfgħu salibna, u nimxu warajh. U nagħmlu dan bil-ferħ, u bil-konvinzjoni li hi din it-triq rebbieħa li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta