L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mar lejn pajjiżu” (Mt 13:54). Hawnhekk, fl-Evanġelju llum skont San Mattew, għandna din il-ġrajja meta Ġesù jirritorna pajjiżu. Suppost din tkun okkażjoni sabiħa. Fil-fatt, fil-bidu, in-nies, meta semgħuh fis-sinagoga, “baqgħu mistagħġba” (Mt 13:54) bl-għerf tiegħu. Imma fil-irriżulta li kienet ġrajja ta’ niket. Għax dawn in-nies, l-ewwel stagħġbu bl-għerf tiegħu, imma mbagħad qalu: lil dan nafuh; “dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa?” (Mt 13:55). Nafu lil ommu, nafu lil qraba tiegħu. L-Evanġelju jgħid: “tfixklu minħabba fih” (Mt 13:57).

Li ġralhom dan-nies kien li l-familjarità – għax kienu jafuh meta kien żgħir, meta kiber – saret ostaklu għall-fidi tagħhom. Flok għenithom biex huma jistagħġbu, u mill-istagħġib jgħaddu għall-fidi, imblukkathom. U hawn nifhmu dak li jgħid San Ġwann, fil-Prologu tal-Evanġelju tiegħu, meta jgħid: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Niesu – in-nies tal-pajjiż tiegħu – ma laqgħuhx.

Dan hu messaġġ li jgħodd ukoll għalina llum. Għaliex, bħalma ġralhom dan-nies li kienu familjari ma’ Ġesù, kienu jafu minn fejn ġej u l-familja tiegħu, imma din il-familjarità imblukkathom milli jemmnu fih u jagħmlu pass ’il quddiem, hekk jista’ jiġrilna wkoll aħna – b’mod differenti llum – bil-familjarità tagħna. Aħna kultant nikbru familjari mal-affarijiet reliġjużi, imma jekk aħna ma nħallux lil dawn iwassluna għall-fidi, biex nemmnu tassew f’Ġesù, biex il-ħajja tagħna tkun imbagħad tirrifletti din il-fidi f’Ġesù, jista’ jiġrilna li l-familjarità tkun ostaklu għall-fidi flok tgħinna, flok twassalna għal fidi ikbar.

Ħa nsemmi eżempju – l-Ewkaristija, fejn għandna l-preżenza reali ta’ Ġesù. Imma jista’ jiġrilna li aħna nkunu familjari magħha, u nispiċċaw kważi lanqas nemmnu, jew almenu lanqas nuru li nemmnu tassew li hi l-preżenza reali ta’ Ġesù. Dan kultant juri ruħu proprju fil-knisja stess, fil-mod kif kultant jiġri li iktar napprezzaw u mmorru wara statwi, milli wara l-preżenza reali ta’ Ġesù. Ġieli tidħol fi knisja, u hemm Ġesù Ewkaristija – il-preżenza reali – u tibda tħares madwar u tara kollox, ħafna affarijiet sbieħ, imma tinsa dak li hu l-iktar importanti, dak li lilna jistedinna għall-fidi: il-fidi f’Ġesù li hu ħaj. Għalhekk, il-familjarità mal-affarijiet reliġjużi tista’ tkun ostaklu, flok għajnuna, biex aħna nemmnu tassew f’Ġesù, u biex aħna ngħixu dak li nemmnu.

Nistgħu nsemmu anke affarijiet oħra fil-ħajja tagħna. Tista’ tkun midħla ta’ prattika reliġjuża, imma mbagħad, fil-ħajja reali, f’mumenti partikulari, tgħid: hawnhekk niddeċiedi jien, mhux Ġesù; ma nħallihx tassew imexxi l-ħajja tiegħi. Għalhekk l-appell li qed jagħmel Ġesù llum hu biex aħna nkunu familjari miegħu, imma din il-familjarità tgħinna biex aħna nissaħħu fil-fidi tagħna. U meta ngħid nissaħħu fil-fidi tagħna, jiġifieri nemmnu tassew li Ġesù hu ħaj, li hu għandu jkun l-ewwel fil-ħajja tagħna, li hu għandu jkun li jmexxi l-ħajja tagħna; u li, imbagħad l-għażliet tal-ħajja tagħna jirriflettu tassew din il-fidi f’Ġesù li huwa ħaj. Ma nħallux li jiġrilna li għax b’xi mod jew ieħor, familjari ma’ affarijiet reliġjużi, flok nersqu aktar lejh u nemmnu aktar fih, nitbiegħdu minnu jew nibqgħu indifferenti.

Ħa tkun din it-talba li nagħmlulu llum meta qed niċċelebraw il-festa ta’ Sant’Injazju, li hu eżempju sabiħ ta’ kif ħalla lil Ġesù jidħol f’qalbu, jibidllu l-ħajja tiegħu, u permezz tiegħu bidel il-ħajja ta’ tant nies għall-aħjar. Hu emmen f’Ġesù li hu ħaj. Il-familjarità ma’ Ġesù, flok kienet ostaklu, għenitu biex jemmen tassew hu, juri dil-fidi fl-għażliet tal-ħajja tiegħu, u tant għamel ġid ukoll permezz tas-Soċjetà tal-Ġiżwiti li hu waqqaf. Permezz tal-eżempju sabiħ, il-kitba tiegħu, it-tagħlim tiegħu, wassal għal dan it-tiġdid, jiġifieri approfondiment fil-fidi f’Ġesù li ħaj. Dan nagħmluh illum bħala t-talba tagħna wkoll – nitolbu lill-Mulej biex il-familjarità tagħna miegħu ssaħħaħ il-fidi tagħna fih, u nuru tassew dil-fidi fl-għajxien tal-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta