
F’dan il-jum tal-Mulej għandna l-privileġġ li hu Ġesù stess li jispjegalna parabbola tiegħu: il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Qegħdin fil-kapitlu 13 ta’ San Mattew u Ġesù jibda sensiela ta’ parabboli. Parabboli kienu tixbihat li Ġesù kien juża mill-esperjenza komuni tagħna l-bnedmin, imma permezz tagħha kien jolqot l-attenzjoni ta’ dak li jkun. Ċerti parabboli huma u għandhom esagerazzjoni apposta, biex jolqtu l-attenzjoni ta’ min jisma’; Ġesù mbagħad, permezz ta’ din it-tixbiha jew storja jgħaddi messaġġ li jibqa’ jiftakru.
Interessanti li Ġesù qiegħed f’xatt il-baħar, fuq dagħjsa, imma jitkellem fuq il-biedja, fuq l-art; imdawwar bil-baħar, imma jitkellem fuq xi ħadd li qiegħed iħares lejn iż-żerriegħa bħala sinjal ta’ tama, imma jrid jirrispetta wkoll r-regola ta’ dak iż-żmien: l-ewwel tiżra’ imbagħad taħrat; li għamlu din is-sistema, li l-ewwel il-bidwi jferrex iż-żerriegħa tiegħu, mbagħad jaħrat bit-tama li tagħmel ix-xita u li twassal li jkun hemm il-frott. Kif jgħid Ġesù: meta ż-żerriegħa taqa’ f’art tajba.
Meta Ġesù jispjega din il-parabbola, jispjegalna wkoll ċerti livelli li fihom jista’ jkun li ninsabu aħna: il-qalb iebsa; il-qalb li tisma’ u tinsa mill-ewwel; jew il-qalb li semgħet imma l-piż ta’ din il-ħajja, il-ġibdiet tad-dinja jdallmu x-xewqa tagħna lil Alla. Imma Ġesù jitkellem ukoll dwar art fertili li tagħmel il-frott. Jagħtina wkoll sinjal ta’ tama. Il-messaġġ ta’ Ġesù mhuwiex negattiv imma bħal dejjem huwa messaġġ ta’ mħabba. Qed jgħidilna li għalkemm hu jagħtina d-don tal-Kelma u tal-maħfra tiegħu, hemm parti li se tiddependi minna: minni u minnek.

U niftakar fi frażi qawwija ta’ Santu Wistin, li jgħid: dak li ħalqek mingħajr ma kellek sehem fil-ħolqien tiegħek, ma jistax isalvak mingħajr is-sehem tiegħek. U allura, hemm parti li rridu nagħmlu aħna. U l-Mulej qed jgħidilna: jiena nixtieq li intom tkunu bħal dik l-art għammiela, fertili, li meta nitfa’ ż-żerriegħa tal-Kelma tiegħi, tal-ħniena tiegħi, tal-imħabba tiegħi, tagħmlu l-frott. U qed jispjegalna x’inhuma l-aspetti li jfixkluna.
F’ħin minnhom jitkellem dwar il-qalb iebsa. Aħna l-Ħadd li għadda smajnieh jgħid: li huwa ta’ qalb ħelwa u umli; illum jitkellem fuq il-poplu li qalbu ibbieset. Imma din mhix kundanna, hija kundizzjoni, li bil-għajnuna ta’ Alla nistgħu neħilsu minnha. Anke għaliex din l-ebusija tal-qalb, mhijiex sempliċiment kundizzjoni irrimedjabbli.
Iżjed ma jkollna iżjed irridu; u hekk niġru wara l-paċi u qatt ma nsibuha din il-paċi.
Jekk inti lill-Mulej tgħidlu: rattabli qalbi; iftaħli naqra moħħi. Minn jaf kemm titolbu hekk għal uliedkom! Qed naħseb f’tant ġenituri li bħalissa qed iħarsu lejn uliedhom, speċjalment dawk li qed jitfarfru, qed isibu l-awtonomija tagħhom, li hi ħaġa tajba; għandhom id-dritt li jgħaffġu xi waħda, basta ma tkunx fatali; u inti tgħid: ara naqra għalxejn għidtlu/għidtilha. U titlob li l-ebusija tal-qalb jew tal-moħħ, il-Mulej irattabha. Għalhekk nitolbu ħafna għan-nies li jħobbuna, u jħobbu tassew lil uliedhom, u lis-soċjetà, u li jaraw lill-poplu tagħna forsi distratt.

F’ħin minnhom Ġesù jgħid xi ħaġa li hi attwali ħafna iżjed milli naħsbu. “Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma jagħmilx frott” (Mt 13:22).
Issa ħuti, minflok il-Kelma, ejjew inpoġġu l-paċi u l-ferħ. Għaliex Alla, meta jpoġġi l-Kelma tiegħu f’qalbek iridlek il-ġid u jagħtik proprju s-sigriet, il-misteru tal-ferħ u l-paċi. U aħna ħafna drabi, in-nies tal-lum, l-inkwiet żejjed tal-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art, qed itellfuna dan it-teżor hekk kbir.
Alla jixtieq jitfa’ l-paċi u l-ferħ f’qalbek, u inti medhi/ja bil-ħwejjeġ tal-art u bil-ġid tad-dinja. Iżjed ma jkollna iżjed irridu; u hekk niġru wara l-paċi u qatt ma nsibuha din il-paċi. Ejjew nieqfu ftit u nitolbuh b’umiltà lill-Mulej: rattab l-ebusija tal-qalb tagħna u agħmel li l-ġid tal-art nużawh biex aħna nkattru l-paċi fina u fl-oħrajn.
Minn jaf kemm hawn nies li mingħajr daqq tat-trombi jagħmlu ħafna ġid u għandhom paċi kbira. Mela l-ġid tal-art huwa ħaġa qaddisa, jekk isir art fertili fejn il-Kelma li l-Mulej jitfa’ fil-qalb tagħna, u x-xewqa tal-paċi, tal-grazzja u tal-maħfra tagħmel il-frott.
Ejjew nitolbu biex il-Mulej iħares lejna u jrattab l-ebusija tal-qalb tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55:10-11
Responsorju: S 64 (65):10abċd,10e-11,12-13,14
Qari II: Rum 8:18-23
L-Evanġelju: Mt 13:1-23





