L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Naħseb inkunu wiċċna tost jekk f’dan l-40 anniversarju mill-ordinazzjoni presbiterali tagħna — minn meta l-Mulej permezz ta’ Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca ordnana saċerdoti — induru lejn il-Mulej u ngħidulu “X’se nieħdu?” Bħalikieku m’aħniex qaddejja battala li għamilna dak li kellna nagħmlu.

Illum, forsi iżjed milli nsaqsu lill-Mulej x’se nieħdu, ngħidulu grazzi ta’ kulma tana.

Huwa l-mument li nifhmu li qabel nippretendu li nirċievu xi ħaġa, nirrealizzaw li aħna —mingħajr ma ħaqqna — irċevejna diġà ħafna. L-ewwel nett il-grazzja tal-ħajja. Illum ma nistgħux ma naħsbux fil-ġenituri tagħna li tawna l-ħajja. Għalhekk illum, aħna u nitolbu wkoll għall-vokazzjonijiet, nitolbu wkoll biex iż-żwieġ Nisrani jkun imbierek bil-frott, bil-barka tal-ulied, għax aħna riżultat ta’ din il-barka.

Imma mbagħad il-ġenituri tagħna ressquna lejn il-magħmudija; sirna parti mill-familja ta’ Ġesù. B’dik is-sejħa kbira għall-qdusija l-Mulej ħares lejn u ħenn għalina, bħalma jgħid il-Venerabbli Beda fuq is-sejħa li Ġesù għamel lil Mattew: ħares lejh u ħenn għalih.

U l-Mulej hekk għamel, ħares lejna. Ma qadx ikejjel il-bravura tagħna iżda ħares lejna u ħenn għalina u għamel minna għodda ta’ ħniena u ta’ grazzja għall-poplu tiegħu.

Aħna konxji ħafna li wara 40 sena, il-ħniena li nagħtu lill-poplu ta’ Alla, aħna l-ewwel nies li għandna bżonnha. Aħna frott tal-ħniena tiegħu u qaddejja tal-ħniena ta’ Alla.

Imma fuq kollox, aħna wkoll imsejħin biex niddjalogaw ma’ soċjetà li qiegħda titbiddel imma li fondamentalment jibqa’ fiha għatx kbir għal Alla. Kull meta s-soċjetà tagħna tinħakem mill-għatx għas-sbuħija, għall-paċi, għall-verità, għat-tjubija u għall-ġustizzja, tirrealizza — forsi mingħajr ma taf — tesprimi l-għatx kbir għal Alla. U aħna rridu nkunu hemm biex nagħtu risposta umli, għalkemm dgħajfa u kredibbli, għalkemm kultant tivvaċilla wkoll.

Ġesù, lil min jimxi warajh, iwiegħdu barka kbira. Aħna nogħxew b’din il-barka u ngħidulu grazzi.

Fil-Vanġelu tiegħu, San Mark isemmi l-persekuzzjoni, waqt li San Mattew jiċċensuraha xi ftit, imma li hu żgur hu li mal-barka ta’ Ġesù hemm ukoll il-barka li nkunu nixbhuh. Wara kollox, 40 sena ilu, filwaqt li l-Arċisqof Mercieca tana f’idejna l-kalċi u l-patena, fakkarna fil-missjoni tagħna: li nfasslu ħajjitna fuq il-Misteru tas-Salib tal-Mulej. Allura niftakru dejjem aħna x’imsejħin ikollna f’idejna. M’għandniex biss il-misteru l-kbir tal-Ewkaristija imma f’idejna għandna l-poplu għażiż ta’ Alla. Dan ukoll hu afdat fil-kura tagħna.

Għalhekk, nitolbu lill-Mulej biex isaffi l-qalb tagħna sabiex l-imħabba tagħna tkun dejjem imħabba sabiħa li tirrifletti l-imħabba sabiħa tiegħu.

Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Pr 2: 1-19
Responsorju: 33: 2-4.6.9.12.14-15
L-Evanġelju: Mt 19:27-29