L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm kelma li Ġesù jirrepetiha tliet darbiet f’dan l-Evanġelju tal-lum biex jagħti messaġġ qawwi lill-appostli tiegħu: “la tibżgħux” (Mt 10:26.28). Jgħidha u jirrepetiha, u jerġa’ jgħid “xejn la tibżgħu” (Mt 10:31).

Kien qed jitkellem ma’ nies – l-appostli – li kellhom bżonn jisimgħu dal-kliem. Ġesù kien qed jitkellem ħafna qabel il-Passjoni tiegħu, imma fil-Passjoni tiegħu, fil-mument l-aktar diffiċli għal Ġesù, kważi l-appostli kollha kienu se jaħarbu u jħalluh waħdu, għax maħkumin mill-biża’. 

Imma dawn in-nies fehmu aktar ’il quddiem dak li Ġesù kien qed jgħidilhom hawnhekk: li l-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla, minn nies li jibżgħu, kienet se tibdilhom f’nies li jegħlbu l-biża’. Fil-fatt, bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu, ma baqgħux nies li dejjem miġburin flimkien u f’qoxorthom, imma ħarġu jwasslu li Kristu huwa ħaj, u għamlu dan bil-kuraġġ kollu. Ma jfissirx li ma ltaqgħux ma sitwazzjonijiet tal-biża’ iktar ’il quddiem f’ħajjithom u f’din il-missjoni tagħhom, imma kellhom dik iċ-ċertezza li Alla huwa magħhom, li Alla jakkumpanjahom, li Alla jgħinhom biex il-biża’ ma jikkmandahomx fil-ħajja tagħhom.

Dejjem l-ewwel messaġġ

Jekk hemm xi ħaġa li ninnutaw fl-Iskrittura kull meta Alla jagħżel lil xi ħadd għal xi missjoni u jagħtih messaġġ, dejjem jibda bil-kelma “la tibżax”. Narawha fil-profeti fit-Testment il-Qadim, narawha f’Marija. Il-festa li se niċċelebraw f’din il-parroċċa ftit ġranet oħra ġġibna wiċċ imb’wiċċ ma’ Marija li jkellimha l-anġlu Gabriel u jgħidilha fil-bidu “tibżax, Marija” (Lq 1:30).

Dan li qed jgħid Ġesù lill-appostli jgħidu lilna wkoll illum. Lilna wkoll il-Mulej jgħidilna “la tibżgħux”. U jgħidilna dan għax jaf li ħafna drabi jaħkimna l-biża’. Hemm biża’ normali li jgħinna fil-ħajja tagħna – bħal meta tibża’, u toqgħod attent, int u nieżel taraġ wieqaf, biex ma taqax, jew meta tersaq viċin xi nar qed jaqbad. Hu biża’ normali. Imma hemm biża’ ieħor li jista’ jipparalizzana fil-ħajja tagħna. Jista’ jkun ċertu biża’ mill-futur, mill-inċertezza tal-futur. Hemm ġenituri li jibżgħu ħafna dwar il-futur ta’ wliedhom, jew anzjani li, huma u għaddejjin is-snin u jħossuhom iktar dgħajfa, jibżgħu mill-futur. 

Ġesù mhux qed jgħid li b’xi mod se jneħħi l-biżgħat tagħna, imma qed jgħid li għandna dejjem niftakru f’dan il-messaġġ hekk importanti: li Alla hu magħna, jakkumpanjana, iħarisna. Għalhekk Ġesù jgħid: “sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud… intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt” (Mt 10:30-31). U din iċ-ċertezza tgħinna fil-mumenti ibsin. Ma jfissirx li ma jkollniex mumenti ta’ biża’ f’ħajjitna, imma jfisser li jkollna din iċ-ċertezza: li Alla hu magħna, li jakkumpanjana, li jgħinna dejjem speċjalment fil-mumenti l-aktar diffiċli.

Ngħixu l-fidi mingħajr biża’

Imbagħad hemm ukoll il-biża’ li nistgħu nħossu, aħna li nemmnu, meta niġu biex ngħixu l-fidi tagħna. Ġesù jsemmiha fl-Evanġelju tal-lum – li nibżgħu nistqarru li aħna nemmnu. Kultant il-problema tkun meta nkunu ma’ oħrajn li ma jemmnux. Imma rridu naħsbu ftit: min ma jemminx, għamel għażla – li aħna nirrispettaw – imma b’daqshekk ma jfissirx li aħna, għax nemmnu, għandna nħossuna inferjuri u nibżgħu nistqarru l-fidi tagħna. Ma għandna bżonn il-permess ta’ ħadd biex nistqarru l-fidi tagħna u ngħixu tassew dak li nemmnu. 

Dan hu li qed jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum: li ma għandniex nibżgħu nistqarruh. Jaħseb x’jaħseb ħaddieħor, dik hi responsabbiltà tiegħu jew tagħha. Imma dan ma għandux ifixkel lilna milli ngħixu tassew dak li nemmnu, inkunu fejn inkunu. Nistgħu nkunu quddiem nies ta’ awtorità – ma għandniex nibżgħu ngħidu dak li nemmnu fih u nwassluh. Kultant jista’ jiġrilna li aħna nibżgħu jew nistħu quddiem ħaddieħor. Dan li qed jgħid Ġesù jgħodd għaċ-ċirkustanzi differenti li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna – mal-ħbieb tagħna, fil-post tax-xogħol fejn naħdmu, fis-soċjetà. 

Jista’ jkun li aħna nsibu min jopponina. Fl-Ewwel Qari, rajna l-persekuzzjoni iebsa li kien għaddej minnha Ġeremija. F’diversi postijiet fid-dinja, għad hemm persekuzzjoni tal-Insara. Imma anke jekk ma tkunx persekuzzjoni diretta u bil-miftuħ, l-esperjenza tagħna tista’ tkun ta’ nies li jirridikulawk, jew li jwaqqgħuk għaċ-ċajt, jew li jikkunsidrawk stupidu jew stupida. Din saret tul is-snin, u tibqa’ ssir. Imma ma għandna qatt nibżgħu nistqarru l-fidi tagħna, u ngħixu l-fidi tagħna, u nagħmlu dan b’mod apert.

Hu b’dan il-mod li aħna ngħixu l-kliem ta’ Ġesù “la tibżgħux”. Nitolbu lill-Mulej li kulfejn inkunu, aħna ma nibżgħux ngħixu l-fidi tagħna. Li kulfejn inkunu, niftakru li huwa hu li jimla l-qalb tagħna. Filwaqt li ngħixu f’soċjetà ta’ ideat u ħsibijiet differenti, aħna qatt ma nibżgħu ngħixu l-fidi tagħna u nagħmlu dan bil-kuraġġ kollha għax hu b’dal-mod li nkunu tassew qed ngħixu dak li l-Mulej irid minna f’ħajjitna llum.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta