L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-kelma li jgħid Ġesù “tiġġudikawx” (Mt 7:1), hi kelma li spiss nisimgħuha. Niftakru meta l-Papa Franġisku kien qal, darba: “Jien min jien biex niġġudika?” – u din daret mad-dinja kollha, qisu mhux l-istess kliem li qal Ġesù! Dan għaliex ħafna drabi, meta nisimgħu dil-kelma, inħalltu l-affarijiet u ma nifhmux sewwa x’qed jgħid Ġesù kif inhu ċar hawnhekk. X’qed jgħid Ġesù, l-ewwel nett, meta jgħidilna ma niġġudikawx? Qed jgħid li meta aħna nħarsu lejn persuna, u kif din hi quddiem Alla, aħna ma għandniex niġġudikawha jew niġġudikaw il-qalb tagħha, imma għandna nħallu l-ġudizzju f’idejn Alla. Kultant jiġri – jiġri anke f’moħħna – li niġġudikaw persuni, imma l-agħar meta ngħidu jew niktbu b’mod li anke jkun hemm persuni li jkun hemm min irid, sfortunatament, jinsultahom, iweġġagħhom. Għalhekk ġudizzju fuq din il-persuna.
Ġesù jgħid hawnhekk: li kultant jiġrilna hu li ma narawx “it-travu” li għandna f’għajnejna, u naraw “it-tibna” f’għajn ħaddieħor (ara Mt 7:3). Għalhekk, qed jgħid li l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hu li neżaminaw lilna nfusna, għax kultant dak li jdejjaqna f’ħaddieħor hu dak li għandna fina. Kemm hu importanti, għalhekk, li aħna noqogħdu ħafna attenti fil-kliem tagħna, fil-ġudizzji tagħna fuq l-oħrajn, u ħafna konxji wkoll tan-nuqqasijiet tagħna.
Irridu niftakru li meta Ġesù qalilna “tiġġudikawx”, għamlilna l-pjaċir. Għax qalilna: il-ġudizzju tal-persuna ħalluh f’idejja. Għax huwa hu li jaf lill-persuna sħiħa, jiġifieri l-intenzjonijiet tagħha, il-qalb tagħha, l-istorja tagħha, it-trobbija tagħha. Hu Alla li jaf dan kollu, huwa hu li jista’ jagħmel ġudizzju verament tajjeb. U lilna jħeġġiġna wkoll biex meta nittrattaw mal-persuni, inkunu ħafna attenti. Per eżempju, lili tolqotni ħafna kemm hi nieqsa kultant fina li aħna nisimgħu l-istejjer tal-persuni, l-istorja minn xiex persuna tkun għaddiet. Naraw lil xi ħadd – din tiġri ħafna mal-barranin, sfortunatament – u mal-ewwel ġudizzju fuqu. Isma’ l-istorja tiegħu, isma’ minn xiex għadda f’ħajtu, u kieku tisma’ l-istorja tiegħu, ma titkellimx hekk!
Issa meta Ġesù jgħidilna “tiġġudikawx”, dan ifisser li tħares lejn dak li qed jiġri u tħalli kollox għaddej, ħażin u tajjeb? Mhux hekk qed jgħid Ġesù. Fil-fatt, f’post ieħor Ġesù jgħid: “Għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57) Għax hu jridna nagħmlu d-differenza bejn il-persuna, li hi f’idejn Alla, u l-azzjoni tal-persuna, dak li hu ħażin. Aħna jrid ikollna l-kuraġġ li t-tajjeb ngħidulu tajjeb, u l-ħażin huwa ħażin. Ma nistgħux aħna nużaw dil-kelma ta’ Ġesù biex ngħattu r-responsabbiltà tagħna. Jekk jiena responsabbli ta’ grupp ta’ nies, u naf li hemm xi ħaġa ħażina, ma nistax ngħid “ma niġġudikax” u nħalli kollox għaddej. B’dal-mod, issir kompliċi kultant tal-ħażin li hemm. Meta Ġesù qed jgħid “tiġġudikawx”, qed jgħid għall-persuna. Hu jridna li aħna jkollna l-valuri li għallimna hu biex nistgħu niġġudikaw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Per eżempju, jekk aħna naraw korruzzjoni, frodi, inġustizzja, abbuż, serq – ma nistgħux ngħidu: qisu ma hemm xejn, kollox jibqa’ għaddej. Ma tistax tagħmel hekk! U meta qed titkellem fuq dawn l-affarijiet, qed titkellem kif għandek titkellem, għaliex Ġesù jridna li nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Għalhekk il-kelma tiegħu hi tant importanti, imma biex nifhmuha tajjeb u ngħixuha tajjeb. Ġesù qed jgħidilna: meta tħares lejn il-persuna, ħalli l-ġudizzju tiegħu jew tagħha f’idejn Alla, kif il-qalb tagħha hi quddiem Alla. Imma meta tara madwarek is-sitwazzjonijiet li hemm bżonn azzjoni fuqhom, ħu azzjoni. Ara li ma tħallix għaddej il-ħażin bl-iskuża li ma tiġġudikax.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja, li jagħtina l-għerf. Jgħinna biex inkunu mmexxijin mill-imħabba lejn il-persuna, imma fl-istess waqt ukoll, li nagħrfu nagħżlu dejjem u niġġudikaw bejn it-tajjeb u l-ħażin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




