Photo: BOV

Is‑16‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq Id‑Dar tal‑Providenza se ssir bejn il‑Ħamis 16 ta’ Lulju u s‑Sibt 18 ta’ Lulju 2026 u, għall‑ewwel darba, se tittella’ fil‑Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) f’Ta’ Qali.

Il‑maratona se tiġi inawgurata mill‑President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il‑Ħamis 16 ta’ Lulju fis‑6.30pm u tintemm fil‑11.00pm tas‑Sibt 18 ta’ Lulju 2026.

40 plejer, magħżula wara sitt ġimgħat ta’ taħriġ, se jiffurmaw ħames timijiet u se jilagħbu l‑volleyball bla waqfien għal aktar minn 53 siegħa, mhux għall‑qligħ personali iżda biex isostnu kawża ġusta. Il‑BOV Volleyball Marathon mhijiex  biss avveniment sportiv, iżda wkoll espressjoni qawwija ta’ solidarjetà permezz tal‑isport.

Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti fil‑Pembroke Training Grounds, Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, enfasizza l‑ħtieġa tal‑fondi sabiex id‑Dar tkun tista’ tkompli tipprovdi servizzi residenzjali lil 115‑il resident tagħha. Huwa ddeskriva l‑bidla għall‑MFCC bħala inizjattiva importanti li toffri potenzjal kbir għat‑tkabbir u għal aktar viżibilità. Fr Martin ħeġġeġ lill‑pubbliku biex jattendi għall‑avveniment, jappoġġja lill‑plejers li se jieħdu sehem f’din l‑isfida u, fuq kollox jagħti l‑kontribut tiegħu għal din il‑kawża.

Ernest Agius, Chief Operations Officer tal‑Bank of Valletta, qal li l‑Bank huwa kburi li għal darb’oħra qed jappoġġja avveniment li jippromwovi d‑dinjità, l‑inklużjoni u l‑opportunitajiet għal persuni b’diżabilità. Huwa nnota li l‑Bank ilu għal snin twal sostenitur tal‑Volleyball Marathon u jinsab ħerqan li jkompli dan l‑impenn fis‑snin li ġejjin. Għall‑konferenza attendew ukoll Charles Azzopardi, Head of CSR, Events & Business Alliances fil‑Bank of Valletta, u s‑CSR Manager Samantha Abela Caruana.

Dawk li jżuru l‑avveniment fl‑MFCC għandhom jistennew atmosfera sabiħa adattata għall‑familja kollha, bil‑post il‑ġdid joffri opportunità eċċellenti biex il‑BOV Volleyball Marathon tilħaq livelli ġodda ta’ suċċess. L‑Arts Council Malta qed tappoġġja wkoll l‑avveniment u qed taħdem mal‑organizzaturi sabiex jiġi ppreżentat programm ta’ divertiment ta’ livell għoli b’artisti ewlenin matul it‑tlett iljieli. Lara & The Jukeboys se jtellgħu spettaklu l‑Ħamis filgħaxija, Versatile Brass & Ensemble, il‑Ġimgħa, filwaqt li s‑Sibt Spiteri Lucas Band se tkun il‑qofol ta’ Classic Rock Night.

Din is‑sena timmarka wkoll it‑tnedija ta’ pjattaforma online ddedikata għall‑aġġornamenti dwar il‑kampanja ta’ ġbir ta’ fondi u inizjattivi relatati magħha. Is‑sit elettroniku sabihlitaghti.org se jikkumplimenta l‑pjattaformi tal‑midja soċjali tad‑Dar tal‑Providenza billi jipprovdi aġġornamenti regolari u jservi bħala portal online għad‑donazzjonijiet.

Il‑pubbliku jista’ jappoġġja din l‑inizjattiva billi jċempel in‑numri dedikati għad‑donazzjonijiet, juża l‑BOV Mobile Banking jew PayPal, jagħti donazzjoni online permezz tal‑portal il‑ġdid, jew jagħmel kontribuzzjoni direttament fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar tal‑Providenza.

€15 – 5170 2012
€25 – 5180 2013
€50 – 5190 2070
€100 – 5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile: 7932 4834

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Neil Camilleri