
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 2:4). Hekk naqraw fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli. Għid il-Ħamsin ifakkarna f’dal-jum: meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli u bidilhom għal kollox. Huwa l-jum meta dixxipli li kienu mimlijin bil-biża’ saru xhieda qalbiena, meta bibien magħluqa nfetħu, meta s-skiet inbidel fi tħabbira, u meta d-dgħufija saret qawwa.
Iżda Għid il-Ħamsin mhuwiex biss tifkira ta’ ġrajja li seħħet elfejn sena ilu. Huwa l-wegħda li Alla bl-istess Spirtu li mela lill-appostli, ikompli jġedded lill-Knisja, iġedded il-familji tagħna, iġedded il-kongregazzjonijiet u l-komunitajiet tagħna, u jġedded lil kull wieħed u waħda minna llum.
Mill-biża’ għall-kuraġġ
L-Evanġelju jgħidilna li d-dixxipli kienu miġburin “imbeżżgħa…bil-bibien magħluqa” (Ġw 20:19). Kienu raw lil Ġesù msallab. Kienu qed jibżgħu mir-rifjut, mill-persekuzzjoni u mit-tbatija. Kienu jippreferu s-sigurtà milli l-missjoni. Iżda Ġesù jidħol proprju f’dik il-kamra mimlija biża’ u jgħid: “Is-sliem għalikom” (Ġw 20:19.21). Imbagħad jonfoħ fuqhom u jagħtihom l-Ispirtu s-Santu.
L-ewwel don tal-Ispirtu s-Santu mhuwiex il-mirakli straordinarji, iżda l-kuraġġ lil dawn in-nies biex joħorġu mill-biża’. L-Ispirtu għamel lill-bnedmin ordinarji kapaċi jwettqu affarijiet straordinarji, għax bdew jafdaw fil-qawwa ta’ Alla aktar milli fil-qawwa tagħhom stess. L-appostli ma sarux aktar b’saħħithom minħabba l-kapaċitajiet naturali tagħhom. Saru aktar b’saħħithom għax l-Ispirtu beda jgħammar fihom.
L-Aħbar it-Tajba hi li dak li għamel dak inhar l-Ispirtu s-Santu jagħmlu wkoll magħna llum. Kultant jista’ jiġrilna li aħna ngħixu fil-biża’ wara bibien inviżibbli magħluqa. Nibżgħu li nkunu differenti. Nibżgħu li nitilfu l-popolarità jew l-approvazzjoni tal-oħrajn. Nibżgħu kultant nagħmlu sagrifiċċji. Kulant nibżgħu niddefendu dak li hu sewwa meta ħafna jidhru li qed jagħżlu dak li hu aktar komdu jew aktar faċli. Għalhekk neħtieġu l-Ispirtu s-Santu li jgħinna negħlbu l-biża’, u nimtlew bil-kuraġġ.
L-Ispirtu jġib it-tiġdid
L-Ispirtu s-Santu huwa dejjem forza ta’ tiġdid. Kull meta l-Ispirtu jidħol fil-qalb tal-bniedem, xi ħaġa qadima tmut u tibda ħajja ġdida. L-Ispirtu jġedded il-ħsieb tagħna meta nibdew naraw il-ħajja bl-għajnejn ta’ Alla. Iġedded il-qalb tagħna meta l-mibegħda jew il-weġgħat jinbidlu f’maħfra. Iġedded ir-relazzjonijiet tagħna meta l-egoiżmu jagħmel post għall-imħabba. Iġedded il-komunitajiet tagħna meta l-indifferenza tinbidel f’servizz.
L-Ispirtu jġedded il-Knisja kull darba li jgħinna niskopru l-ferħ tal-Evanġelju u l-kuraġġ li ngħixuh b’mod awtentiku. L-Ispirtu jfakkarna li t-tiġdid veru jibda minn ġewwa. Ħa nsemmi xi ħaġa li qal il-Papa lbieraħ meta kien Acerra. Qal: dinja mibdula tibda minn qlub mibdula. Għid il-Ħamsin ifakkarna li Alla ma jitlobniex biex insiru aħjar bil-forzi tagħna biss, iżda jagħtina l-Ispirtu tiegħu biex ibiddilna minn ġewwa.
Il-ħajja Nisranija mhijiex sempliċi programm ta’ titjib personali. Hija trasformazzjoni spiritwali li tagħmilna dejjem aktar nixbhu lil Kristu.
L-għażla ta’ dak li huwa tajjeb
Waħda mill-akbar sfidi ta’ żmienna hija mhux biss li nkunu nafu x’inhu tajjeb, iżda li nsibu l-kuraġġ nagħżluh.
Ħafna nies jafu li l-onestà hija aħjar mill-qerq, li l-maħfra hija aħjar mill-vendetta, li l-ġenerożità hija aħjar mill-egoiżmu, u li l-verità hija aħjar mill-gideb. Jafu x’inhi t-triq it-tajba u x’inhi l-ħażina. Id-diffikultà tibda meta l-għażla tat-tajjeb titlob deċiżjoni b’sagrifiċċju.
Neħtieġu kuraġġ biex niddefendu d-dinjità ta’ kull ħajja umana, kuraġġ biex nibqgħu ngħożżu l-valuri Nsara meta s-soċjetà tagħfas biex wieħed jikkomprometti ruħu. Neħtieġu kuraġġ biex inkunu onesti meta d-diżonestà tista’ ġġibilna xi vantaġġ personali. Neħtieġu kuraġġ biex naħfru meta l-vendikazzjoni tidher aktar naturali. Neħtieġu kuraġġ biex ngħidu l-verità meta s-skiet ikun aktar komdu.
Xi darba jew oħra l-pressjoni ta’ oħrajn jew l-għeja jistgħu jegħlbuna u jonqosna dan il-kuraġġ. Għalhekk Għid il-Ħamsin ifakkarna f’dak li huwa tant importanti li l-Ispirtu s-Santu huwa l-qawwa ta’ Alla mqiegħda fid-dgħufija tal-bniedem.
San Pietru, li kien ċaħad lil Ġesù quddiem qaddejja sempliċi; aktar tard quddiem il-folol u quddiem l-awtoritajiet jipprietka lil Kristu bla biża’. X’kien inbidel? Mhux il-karattru tiegħu. Mhux iċ-ċirkustanzi tiegħu. Kien l-Ispirtu s-Santu li tah il-qawwa jagħżel dak li hu sewwa mingħajr ma jċedi għall-pressjoni ta’ dawk li riedu jagħmlu l-ħażen. U dan l-istess Spirtu hekk jagħmel magħna llum.
Il-pressjoni minn oħrajn kultant tgħidilna: fittex lilek innifsek qabel kollox; evita s-sagrifiċċju; imxi mal-kurrent; agħmel dak li hu l-aktar faċli; ibqa’ sieket meta l-verità ssir skomda. L-Ispirtu s-Santu jgħidilna: ħobb lil Alla fuq kollox; servi lill-oħrajn b’ġenerożità; ibqa’ fidil; għid il-verità bil-karità; segwi lil Kristu anke meta t-triq tkun diffiċli.
Kull jum irridu nagħmlu din l-għażla dwar liema vuċi se nisimgħu u nsegwu. L-Ispirtu s-Santu qatt ma jisforzana. Huwa jistieden, imexxi, idawwal u jqawwi. Jirrispetta l-libertà tagħna filwaqt li jagħtina l-qawwa biex nużawha tajjeb.
Jaħdem fis-skiet
Għalhekk il-qawwa ta’ Għid il-Ħamsin mhix l-aktar f’dak li hu straordinarju, imma hi fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem fis-skiet. Kull darba li ġenituri jagħmlu sagrifiċċju għal uliedhom, kull darba li persuna tagħżel l-integrità flok il-popolarità, kull darba li wieħed jaħfer ferita qadima, kull darba li xi ħadd jiddefendi lil min hu vulnerabbli, kull darba li Nisrani jibqa’ leali minkejja d-diffikultajiet, kull darba li nagħżlu l-verità flok il-konvenjenza u l-imħabba flok l-egoiżmu, hemmhekk ikun qed jaħdem l-Ispirtu s-Santu. Għid il-Ħamsin ikompli jseħħ kull fejn aħna nħallu lilna nfusna nitmexxew mill-Ispirtu.
Ejja, Spirtu s-Santu
Filwaqt li llum niċċelebraw Għid il-Ħamsin, ejjew nitolbu b’fiduċja: Ejja, Spirtu s-Santu, ġedded lil qlubna, il-familji tagħna, il-kongregazzjonijiet tagħna, is-soċjetà tagħna, il-Knisja tiegħek.
Agħtina l-għerf biex nagħrfu dak li hu sewwa, il-qawwa biex nagħżluh, il-perseveranza biex nibqgħu fidili lejh, u l-kuraġġ biex ngħixuh mingħajr biża’. Jalla n-nar li niżel fuq l-appostli jibqa’ jaqbad fina llum, biex inkunu xhieda ferrieħa ta’ Kristu, qaddejja qalbiena tal-Evanġelju, u strumenti tat-tiġdid ta’ Alla fid-dinja.
Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar tal-imħabba tiegħek.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




