Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L‑ewwel kelma tiegħi llum hija kelma ta’ gratitudni. Nirringrazzja lill‑Mulej għall‑ġid kbir li sar u qed isir fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta u Għawdex, u nirringrazzjakom minn qalbi tal‑fedeltà tagħkom lejn din il‑missjoni delikata. Minn qalbi nirringrazzja lis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, lis‑Superjuri Reliġjużi, lill‑Kapijiet tal‑iskejjel, lill‑edukaturi u lill‑ħaddiema kollha tal‑iskejjel, li kuljum, ħafna drabi fis‑skiet, jaqsmu t-talenti tagħhom biex kull tifel u tifla jirċievu edukazzjoni li tkun tassew għajn ta’ kull ġid.

Nixtieq ukoll irrodd ħajr lill‑familji tagħna. Lill-ġenituri u kustodji, li għażlu li jafdaw lil uliedhom biex jiġu edukati fl‑iskejjel tal‑Knisja, grazzi talli qed turuna fiduċja kbira. It‑tfal tagħkom huma l‑akbar teżor li intom tafdaw f’idejna. Din tixħet fuqna responsabbiltà li naqdu l-Evanġelju biex inkomplu nsawru bnedmin li jkollhom qalbhom mifuħa għar-rieda ta’ Alla, u li nrawmuhom biex l-għerf li jieħdu mill-iskejjel tagħna jsarrfuh fil-qadi tal-oħrajn.

Id‑Dokument tal‑Identità jfakkarna li l‑iskola Kattolika trid tkun “skola għall‑bniedem kollu”, fejn mhux biss l‑moħħ jiġi ffurmat, imma wkoll il‑qalb u r‑rieda. L‑iskejjel tal‑Knisja huma komunitajiet li fihom jikbru nisa u rġiel ta’ karattru, li jħobbu l‑verità, li jħaddnu l‑ġustizzja, u li jkunu lesti jaqdu lis‑soċjetà kollha, speċjalment lill‑aktar dgħajfa.

Inħoss b’mod speċjali r‑responsabbiltà li ntenni: l‑identità Kattolika tal‑iskejjel mhijiex dettall dekorattiv, hi l‑qalb tal‑proġett edukattiv tagħna. Din l‑identità tidher fil‑mod kif nittrattaw lit‑tfal, kif nitkellmu fuq xulxin, kif inħarsu l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull persuna, kif inħarsu lill‑minuri u lill‑vulnerabbli, kif niddefendu lil min hu mċaħħad jew eskluż.

Fid‑dawl ta’ dan kollu, nixtieq noffri tliet mistoqsijiet li nħares lejhom bħala triq għall‑iskejjel tagħna llum:

  1. Qegħdin inħallu li l‑Evanġelju jġedded il‑metodi u l‑istrutturi tagħna? L-iskejjel Kattoliċi jridu jiffaċilitaw il-laqgħa tal-komunità edukattiva mal-persuna ta’ Ġesù u l-valuri tal-Evanġelju. L-istil li jħaddnu jrid jgħin biex inkunu eżempju sabiħ ta’ komunjoni, parteċipazzjoni u preżenza Nisranija fid-dinja tal-lum.
  2. Qegħdin inrawmu f’uliedna qalb li taf tifforma familja u soċjetà skont il‑pjan ta’ Alla? L‑edukazzjoni trid tirrispetta l‑verità tal‑persuna umana, maħluqa fuq ix‑xbieha ta’ Alla, imsejħa għall‑komunjoni. F’dan l-ispirtu nħeġġeġ biex ngħixu l-istil tal-Evanġelju li huwa msejjes fuq il-viċinanza, kompassjoni u tenerezza.
  3. Filwaqt li nħarsu l-awtonomija u l-identità tagħna, qegħdin inħabirku biex l-istudenti tagħna jkollhom esperjenza ta’ qalb miftuħa għal kulħadd, b’mod speċjali għall-fqar, u li jħarsu lejn kull persuna umana b’rispett lejn id-dinjità tagħha irrispettivament mir‑razza, il‑kulur tal‑ġilda, il‑ġeneru u r‑reliġjon tagħha?

Għeżież, naf li l‑ħidma tagħkom mhijiex faċli. F’soċjetà dejjem aktar sekularizzata u kumplessa, kultant tħossukom bħal leħen jgħajjat fid‑deżert. Imma nistedinkom tiftakru li Kristu stess ħallielna l‑wegħda tiegħu: “Jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż‑żmien” (Mt 28:20).

Illum, quddiem dan id‑Dokument tal‑Identità u quddiem din il‑binja l‑ġdida tas‑Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, nixtieq inwegħidkom li, bħala Arċisqof tagħkom, qiegħed dejjem magħkom f’din il‑missjoni: biex inħarsu l‑identità Kattolika tal‑iskejjel, biex inkomplu nsaħħu l‑familji, u biex flimkien naqdu lis‑soċjetà Maltija bil-qalb tar-Ragħaj it-Tajjeb.

Nitlob sabiex il‑Mulej ibierek din il‑binja, lilkom, din il-ħidma prezzjuża tagħkom fil-missjoni tal-Knisja, u fuq kollox, ibierek lit‑tfal u liż‑żgħażagħ afdati f’idejna. Huma l-preżent u l‑futur tal‑Knisja u tal‑pajjiż.

Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta