
Il-Vatikan ippubblika żewġ rapporti finali ta’ gruppi ta’ studju fi ħdan is-Sinodu. Din id-darba, ir-rapporti jinkludu l-għażla talisqfijiet u dwar kif il-Knisja tista’ tkompli timxi b’mod parteċipattiv fi kwistjonijiet emerġenti.
Il-Kardinal Mario Grech saħaq li dawn ir-rapporti juru li d-dixxerniment għandu jibqa’ fil-qalba kemm tal-għażla tal-isqfijiet kif ukoll tal-mod kif il-Knisja tindirizza l-isfidi pastorali, duttrinali u etiċi tal-lum.
Ir-rapport tal-grupp ta’ studju nru 7, li jittratta l-kriterji għall-għażla tal-isqfijiet, ifakkar li “m’hemmx ragħaj mingħajr merħla, u lanqas merħla mingħajr ragħaj.” Għalhekk, il-proċess tal-għażla għandu jkun marbut mill-qrib mal-ħajja konkreta tad-djoċesi u mal-bżonnijiet tagħha.
Fost il-kwalitajiet meqjusa essenzjali għal min jista’ jintgħażel bħala isqof hemm il-ħila li jibni l-għaqda, jisma’ u jidħol fi djalogu, kif ukoll għarfien profond tal-kultura lokali u r-rieda li jintegra ruħu fiha b’mod kostruttiv.
Ir-rapport jappella wkoll biex in-Nunzji Appostoliċi jkollhom profil aktar missjunarju u sinodali, sabiex huma wkoll ifittxu dawn il-karatteristiċi fil-kandidati għall-episkopat.
Dokument ieħor importanti huwa l-enfasi fuq konsultazzjoni usa’ fil-proċess tal-għażla tal-isqfijiet. Ir-rapport jgħid li meta djoċesi tkun qrib li jkollha suċċessur għall-isqof tagħha, huwa propost li l-Isqof jikkonsulta mal-Kunsill Presbiterali u mal-Kunsill Pastorali Djoċesan biex jesprimu l-bżonnijiet tad-djoċesi u jipproponu ismijiet ta’ saċerdoti meqjusa addattati.
Fejn ikun possibbli, il-konsultazzjoni għandha tinkludi wkoll lajċi, persuni kkonsagrati, żgħażagħ u persuni foqra, sabiex il-proċess ikun aktar rappreżentattiv tal-Poplu ta’ Alla kollu.
Ir-rapport jitkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ formazzjoni kontinwa għall-kleru u għal dawk kollha involuti fil-ħajja tal-Knisja, biex jiżviluppaw aktar il-kapaċità tad-dixxerniment spiritwali.
Intant, ir-rapport tal-grupp ta’ studju nru 9 jipproponi bidla fil-mod kif il-Knisja titkellem dwar ċerti temi sensittivi. Minflok il-kelma “kontroversjali”, id-dokument juża t-terminu “kwistjonijiet emerġenti”, biex juri approċċ aktar miftuħ għad-djalogu u għat-tagħlim komuni.
Fid-dawl tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli kapitli 10 sa 15, fejn il-Knisja tal-bidu kienet qed titgħallem kif tilqa’ d-diversità kulturali mingħajr ma titlef il-qalba tal-Evanġelju, id-dokument jinsisti li l-Knisja għandha tibda billi tisma’. L-ewwel nett billi tisma’ lilha nnifisha, ir-realtà ta’ madwarha, diversi forom ta’ għerf, kif ukoll esperjenzi umani.
Fost il-kwistjonijiet li ġew indirizzati hemm esperjenzi ta’ Kattoliċi omosesswali, kif ukoll il-prattika tan-nonvjolenza attiva. Ir-rapport jenfasizza li x-xhieda konkreta tan-nies għandha tkun il-punt tat-tluq għal dixxerniment etiku u teoloġiku aktar profond.
Il-grupp semma b’mod partikolari l-esperjenza ta’ moviment ta’ żgħażagħ Serbi li kienu parti mill-waqgħa paċifika ta’ Slobodan Milošević, ispirati mill-eżempju tal-ewwel Insara.
Ir-rapporti finali huma meqjusa bħala pass ieħor fil-mixja tas-Sinodu lejn Knisja aktar parteċipattiva, trasparenti u qrib ir-realtajiet tan-nies.
Source: Newsbook.com.mt




