
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għax min ħenn għalihom, imexxihom (Iż.49:10)
Kemm hi sabiħa din l-espressjoni mill-profeta Iżaija. Għax min ħenn għalihom, imexxihom.(Iż.49:10)
Nistgħu ngħidu li dan il-kliem tal-profeta jiġbor ukoll l-esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minna waqt il-ministeru episkopali tal-maħbub Arċisqof Pawlu Cremona. Fih rajna xi ħadd li ħabbna u ħenn għalina u fih saret ħajja l-kelma tal-profeta: Għax min ħenn għalihom, imexxihom (Iż.49:10).
F’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu, illum għandna wkoll f’idejna t-testment spiritwali. Fil-bidu tat-testment qasir u essenzjali li ħalla, l-Arċisqof Pawlu għamel riflessjoni profonda u akkuta, tipikament tiegħu. Qal, “Jiena fl-episkopat għażilt il-motto: Ħejju t-triq għall-Mulej” (Iż.40:3). Hija l-esperjenza ta’ min irid ikun il-qaddej tal-Mulej u jħejjilu t-triq fil-qalb tal-bniedem.
L-Arċisqof Pawlu, hu u jaħseb fit-tmiem ta’ ħajtu u f’dak il ftit li se jħalli għal ta’ warajh, jgħid, “Imma jiena skoprejt li l-Mulej kien dak li jħejjili t-triq, mhux jien inħejjilu t-triq. Il-Mulej ħejjili t-triq fil-qalb tan-nies li ltqajt magħhom; fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajti, dejjem sibt lill-Mulej jippreparali Hu t-triq”. Kemm hija sintesi sabiħa ta’ ħajja ta’ min għex fil-preżenza tal-Mulej, bħall-missier spiritwali tiegħu San Duminku, bħall-appostlu missierna San Pawl li għalih kien imsemmi, li hu jsib lill-Mulej iħejjilu t-triq. Fl-istess ħin fil-misteru, u l-ministeru tal-episkopat hu- l-Arċisqof Pawlu, hu dak li ffaċilità l-laqgħa tagħna mal-Mulej Ġesù.

Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, il-Mulej Ġesù jitkellem fuq ir-relazzjoni tiegħu mal-missier. F’din is-silta mill-kapitlu ħamsa ta’ San Ġwann, Ġesù jitkellem fuq l-Iben li jinnota lil Missieru u jimitah.
Aħna bdejna l-festa solenni ta’ San Ġużepp. Kull meta naqra din il-paġna niftakar fl-esperjenza ta’ Ġesù fil-ħanut ta’ missieru Ġużeppi, jinnutah u jitgħallem minnu, “Tassew tassew ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “li l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil missieru jagħmilha, għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-missier, jgħamilhom l-iben ukoll ” (Ġw 5:17-30). Ġesù qed jitkellem fuq il-missier tas-sema għax Hu l-Iben ta’ Alla, imma qed juża l-esperjenza tiegħu fil-ħanut ta’ Ġużeppi; jinnutah jaħdem is-sena ta’ mastrudaxxa, u jitgħallem minnu. Wara kollox mhux biss Ġużeppi huwa l-mastrudaxxa, imma Ġesù kien magħruf bħala l-iben tal-mastrudaxxa u mastrudaxxa Hu nnifsu.
Fl-Evanġelu ta’ San Mark, insibu, “Dan mhux il-mastrudaxxa, bin Ġużeppi u Marija?” (Mk 6:3) Kemm hi sabiħa din l-esperjenza ta’ Ġesù li jiftakar f’missieru ta’ din l-art imma jipprova jispjegalna, Hu l-Iben ta’ Alla, x’inhu fih innifsu. Il-kelma ta’ faraġ li jgħidilna Ġesù, hija li Hu jinnota lill-missier tas-sema jagħti l-ħajja lil kull wieħed u waħda minna. “Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen tal-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu” (ara Ġw 5: 17-30).

Din il-fidi tagħna, din it-tama tagħna li Hu li għadda minn din il-ħajja għall-ħajja tal dejjem, fil-qabar tiegħu jisma’ l-leħen tal-Iben t’Alla u jgħix. Il-Mulej ikun Hu li jfarrġu bħalma farraġ lil Iżrael. Ikun Hu li jwieġbu, hu – l-Arċisqof Pawlu, li fil-ħajja wieżen tant nies, ħafna minna hawnhekk preżenti llum.
Il-Mulej jinsisti li l-qawwa li biha jqajjem lil kull wieħed u waħda minna, li l-qawwa li biha jiġġudika lil kull wieħed u waħda minna mhix il-qawwa tiegħu, imma l-qawwa ta’ Alla nnifsu, u jgħid il-ħaqq nagħmlu fuq dak li nisma’ u l-ħaqq li nagħmel jiena huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi imma r-rieda ta’ min bagħatni.
Aħna u nafdaw lill-Arċisqof Pawlu f’idejn il-ħniena ta’ Alla, nitolbuh li hu jħenn għalina u jmexxina bħala r-ragħaj tagħna. Nitolbu sabiex hu jsib lill-Mulej, iħenn għalih u jmexxih mill-wied tad-dlamijiet għall-ħajja ta’ dejjem.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 49:8-15
Responsorju: Salm 144(145):8-9,13ċd-14,17-18
L-Evanġelju: Ġw 5:17-30




