
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nisimgħu siltiet sbieħ mill-Evanġelju ta’ San Mark, ta’ San Mattew u ta’ San Luqa, li jippreparawna għall-festa kbira tat-twelid ta’ Ġesù. Illum smajna bit-tħabbira, waħda minn żewġ taħbiriet, mill-Evanġelju ta’ San Luqa: it-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni, aħna ngħidulu Ġwanni l-Battista, għax kien hu li għammed lil Ġesù qabel ma beda l-missjoni pubblika tiegħu.
Żakkarija huwa raġel anzjan, li l-mara tiegħu ma jistax ikollha tfal, bħalma tammetti hi stess, fejn anke ’l quddiem l-anġlu Gabrijel jgħid lil Marija: “ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, dik li jgħidu li ma jistax ikollha tfal, fi xjuħitha hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur fit-tqala tagħha, dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal” (Lq 1: 36 – 37).
U hawnhekk qed naraw il-bidu tas-sinjal li l-anġlu Gabrijel jagħmel lil Marija: sitt xhur wara li Eliżabetta nisslet fil-ġuf, l-anġlu Gabrijel iżur lil Marija ta’ Nażaret. Imma llum qed nifhmu li Alla jaħdem b’mod misterjuż, u li dan ir-raġel anzjan, li jammetti hu stess li ż-żmien qed jgħaddi minn fuqu, minn fuq il-qawwa tiegħu, jiddjaloga mal-anġlu Gabrijel. Irridu nieqfu fuq dawn il-ftit versi: silta pjutost twila, imma sabiħa.
L-ewwel nett l-anġlu Gabrijel, li ismu ifisser il-qawwa t’Alla, jgħid lil Żakkarija: “la tibżax”. Din l-istedina jirrepetiha wkoll meta jmur għand Marija ta’ Nażaret: “la tibżax Marija, int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30).

“La tibżax”: il-Mulej meta jlaqqagħna miegħu l-ewwel ħaġa li jgħidilna huwa biex ma nibżgħux, biex nersqu lejh b’fiduċja, għax għalkemm huwa Alla veru, Alla ħaj, Alla qawwi, Alla immortali, imma x-xewqa tiegħu hija li aħna nkunu nafu u niftakru li huwa Għemanu-El, Alla magħna.
It-tieni, nixtieq li nifhmu waqt li nerġgħu naqraw din is-silta, kemm – il darba jissemma l-ferħ. It-twelid ta’ Ġesù jġib il-ferħ. Għax il-preżenza t’Alla, minn hemm nindunaw biha – mill-paċi u l-ferħ. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: Alla tagħna huwa Alla tal-paċi, Alla tagħna huwa Alla tal-paċi. Ser jagħtik il-paċi, hekk tinduna li inti qiegħed fir-rieda t’Alla, li qed timxi fit-triq tiegħu. Għax Alla tagħna huwa Alla tal-Paċi. U Ġesù stess wegħedna li ser jagħtina l-ferħ, il-ferħ mhux kif tagħtih id-dinja imma ferħ li ma jeħodulkom ħadd.
It-tielet aspett: hawnhekk hawn differenza bejn id-djalogu tal-anġlu Gabrijel ma’ Marija u d-djalogu ta’ Gabrijel ma’ Żakkarija. Żakkarija f’ħin minnhom mhux biss ikollu diffikultà kif ser isegwi l-pjan t’Alla, imma Gabrijel ilumu ftit għax naqas mill-fidi. Jgħidlu: inti dik tiegħek mhux biss diffikultà imma wkoll nuqqas ta’ fiduċja.
Il-Madonna wkoll poġġietlu diffikultà, meta tgħidlu: “kif jista’ jkun dan la darba ma nagħrafx raġel?”(Lq: 1: 34). Imma hemm differenza bejn id-diffikultà li jesprimi Żakkarija u d-diffikultà li tesprimi l-Madonna. Il-proposta t’Alla hi tal-għaġeb, l-Anġlu Gabrijel lil Żakkarija qallu: isma’, jiena Gabrijel, jien il-qawwa t’Alla li qiegħed quddiem Alla, u għal Alla ma hemm xejn li ma jistax ikun.

Imma d-diffikultà ta’ din ix-xebba ġejja mhux minn nuqqas ta’ fidi jew ta’ fiduċja imma: kif ser inkun omm la jien ma nagħrafx raġel. Żakkarija mhux biss għandu diffikultà fuq il-qawwa tiegħu, imma wkoll fuq il-Kelma ta’ Alla.
’Il quddiem Santu Wistin jgħidilna li dak li kellu jwelled wara kollox kien il-papà ta’ Ġwanni: iwelled u jagħti isem lil Ġwanni, li kellu jkun il-vuċi li tgħajjat fid-deżert; Żakkarija kellu jitlef il-vuċi sakemm titwieled it-tarbija, it-tifel tiegħu.
L-aħħar punt: apparti li Żakkarija jingħata missjoni speċjali li jingħaqad ma’ martu u jwelled iben li kellu jkun il-Profeta li ser iħabbar lil Ġesù u jindikah bħala l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, kellu jagħti isem lit-tarbija. Imma l-isem ma jiddeċidihx Żakkarija, imma jiddeċidih Alla. L-ewwel darba li nisimgħu bl-isem tat-tarbija kien propju fit-tħabbira meta jgħidlu “Inti ssemmih Ġwanni”.
L-għażla kienet ipprogrammata daqskemm kienet ipprogrammata l-għażla tal-isem tal-Iben t’Alla bħala bniedem: “Inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:21), għax Ġesù jfisser Alla jsalva: dik kellha tkun il-missjoni tiegħu. Mentri l-missjoni ta’ Ġwanni, kif jixhed l-isem tiegħu, Yohanan: Alla jħenn. Nistgħu ngħidu li Ġwanni propju jitwieled biex ikun missjunarju tal-ħniena t’Alla, Alla li jħenn. U Ġwanni jwitti t-triq għall-Messija Ġesù u s-salvazzjoni tiegħu, billi juri l-ħniena t’Alla. Kemm hi ħaġa sabiha li inti tkun missjunarju li toffri l-ħniena t’Alla.
Dan hu l-awgurju tiegħi għal dak li qed tagħmlu, għeżież Dun Ġwann u sħabek. Hawn ħafna kollaboraturi, u l-istedina tiegħi meta qed tfakkru 20 sena ta’ servizz u ta’ ħidma hija din: naf li hemm bżonn ta’ investiment – u nbierkek biex il-poplu jkun ġeneruż miegħek, għall-inizjattivi favur il-missjoni li tagħmlu b’mod regulari – imma nitlobkom tkunu missjunarji tal-ħniena t’Alla li lill-bniedem tlaqqgħuh mal-preżenza t’Alla u jieħu gost li Alla jifhem, jagħder u jħenn.
Papa Franġisku kien jgħid ‘mhux għax Alla ma jaħfirx imma għax aħna donnu nistħu kontinwament’. Ejjew ma naqtgħux qalbna mill-ħniena t’Alla. Ma naqtgħux qalbna. Aħna s-saċerdoti f’kull quddiesa ngħidu talba. Hija talba li nixtieq inħallilkom u ngħiduha anke f’dan il-Milied fejn il-Mulej jiġi fostna: “la tħallinix ninfired minnek”. Il-knisja lilna s-saċerdoti din it-talba tissuġġerihielna f’kull quddiesa qabel it-tqarbin, fejn is-saċerdot, konxju mid-difetti tiegħu, mid-dnubiet tiegħu, hu konxju mill-bżonn ta’ Alla li jħenn, għalhekk lil Alla jgħidlu: la tħallinix ninfired minnek. Inti ġejt fostna, Alla magħna, la tħalliniex ninfirdu minnek.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Mħal 13, 2-7.24-25a
Salm: Salm 70 (71), 3-4a.5-6ab.16-17
L-Evanġelju: Lq 1, 5-25




