
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Illum il-Knisja tiddedika din il-ġurnata b’mod speċjali għal dawk li huma morda, dgħajfa, anzjani u mġarrba. Mhux biex tħares lejhom mill-bogħod, imma biex tkun qrib, biex tisma’, biex tmiss it-tbatija tagħhom, u tkun magħhom. Dan hu l-ispirtu tal-Jum Dinji tal-Morda.
Nixtieq li nirriflettu flimkien fuq il-messagg tal-Papa Ljun XIV għall-Jum Dinji tal-Morda din is-sena, fejn jistedinna nħarsu lejn il-figura dejjem attwali tas-Samaritan it-Tajjeb, fil-parabbola li jgħid Ġesù, fl-Evanġelju skont San Luqa: xbieha sempliċi, imma qawwija, li tiftaħ quddiemna t-triq vera tal-Evanġelju – it-triq tal-kompassjoni li ssir laqgħa, kura u relazzjoni.
Ra u waqaf
Il-parabbola tgħidilna li s-Samaritan, meta ra lill-ferut fit-triq, imbiċċer bis-swat, li kien vittma tal-ħallelin li ħallewh hemmhekk nofsu mejjet, ma baqax sejjer. Din il-kelma hi importanti ħafna. Il-qassis u l-levita li għaddew qablu, raw ukoll, imma baqgħu għaddejjin. Is-Samaritan, bil-maqlub, rah u waqaf.

Aħna ngħixu f’dinja mgħaġġla, mimlija storbju u pressjoni, dinja wkoll fejn nistgħu nittieħdu mill-kultura tal-iskart u tal-indifferenza. Hu faċli li ngħaddu minn quddiem min ibati, kultant anke mingħajr ma nindunaw. Imma l-Evanġelju jitlob minna qalb li taf tieqaf.
Għeżież morda, il-waqfa tas-Samaritan tagħtina messaġġ ċar: intom m’intomx piż, m’intomx inviżibbli, m’intomx minsija. F’għajnejn Alla, intom denji ta’ ħarsa li tieqaf, ta’ qalb li tinfetaħ, ta’ mħabba li tibqa’.
“Tħassru”
L-Evanġelju jgħidilna li s-Samaritan “tħassru” (Lq 10:33). Il-kompassjoni tista’ tibda minn sentiment ta’ ħasra, imma ma tiqafx hemm; hija moviment tal-qalb li jmexxik lejn l-ieħor. Hi mħabba li ma tibqax teorija, imma ssir idejn li jmissu, kelma li tfarraġ, preżenza li ssostni.
Hekk kienet il-kompassjoni tas-Samaritan. Hu mhux biss tħassar lil dak li kien mixħut għal mejjet, imma resaq qribu, dewwielu l-ġrieħi, refgħu, ħadu f’post sigur, u ħallas lil tal-lukanda biex jieħu ħsiebu (ara Luqa 10:34). L-Evanġelju jitlob minna mhux li noqogħdu ntellgħu u nniżżlu min hu l-proxxmu tagħna, imma li aħna nkunu proxxmu ma’ ħaddieħor u nagħmlu dan b’kompassjoni li ssir azzjoni.

Il-missjoni li ssir “aħna”
Is-Samaritan ma għamilx kollox waħdu. Hu wassal lill-ferut f’lukanda u fdah f’idejn oħrajn. Irreferih għand min seta’ jagħtih kura tajba, u għamel dan mhux biex jeħles imma biex il-ferut jingħata l-aħjar kura. Dan ifakkarna li l-kura tal-morda mhijiex biss impenn individwali, imma missjoni maqsuma, ekkleżjali, komunitarja.
Il-Papa jfakkarna li l-ħniena tikber meta ssir relazzjoni: relazzjoni mal-morda, ma’ min jieħu ħsiebhom, u fl-aħħar mill-aħħar ma’ Alla stess. Hekk tinbena Knisja li tfejjaq, soċjetà li ma tarmix lil min hu dgħajjef, imma tħarsu bħala ġid prezzjuż.
F’kull kamra tal-isptar, f’kull dar tal-anzjani, f’kull post fejn hemm tbatija, għandna niftakru dejjem: meta membru wieħed ibati, ilkoll inbatu miegħu u magħha, u nkunu qrib.

Hawn irridu ngħidu kelma ta’ ringrazzjament lill-qraba li b’fedeltà jkunu preżenti, lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u l-voluntiera li jaqdu bi mħabba, lil dawk li jaħdmu fil-ministeru pastorali mal-morda, u lill-persuni li jakkumpanjaw bis-skiet u t-talb.
Grazzi tal-appoġġ u tal-għajnuna, grazzi ta’ dan is-servizz tagħkom. Intom wiċċ il-kompassjoni ta’ Alla.
Kristu, is-Samaritan it-Tajjeb
Fl-aħħar nett, il-parabbola twassalna biex nagħrfu xi ħaġa sabiħa ħafna: Ġesù nnifsu hu s-Samaritan it-Tajjeb. Hu dak li ra l-umanità feruta, waqaf, resaq qrib, ġarrab fuq ġismu l-ġrieħi tagħna, tana l-ħajja u fdana f’idejn il-Knisja biex tieħu ħsiebna.
Jalla l-Mulej jagħtina qalb li tara, idejn li jfejqu u preżenza li tgħannaq.
Għeżież morda, Ġesù mhux spettatur tat-tbatija tagħkom. Hu miexi magħkom, qiegħed ħdejkom, jagħmel mit-tbatija tagħkom post ta’ laqgħa miegħu. Meta l-uġigħ jingħaqad miegħu, isir talba, isir offerta, isir frott għall-Knisja u għad-dinja. Hu jagħmlilkom il-qalb u jagħtikom il-kuraġġ li teħtieġu f’ħajjitkom.

Sejħa lilna lkoll
Il-Jum Dinji tal-Morda jsejħilna biex inkunu Samaritani ta’ kuljum: li nieqfu, li nkunu qrib, li nħobbu. U fuq kollox, jistedinna nagħrfu li fil-morda niltaqgħu ma’ Kristu nnifsu. Jalla l-Mulej jagħtina qalb li tara, idejn li jfejqu u preżenza li tgħannaq.
B’hekk inkunu ngħixu tassew il-kmandament doppju li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju llum: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27).
Marija, Saħħa tal-morda
Illum indawru wkoll ħarsitna lejn Marija, Saħħa tal-Morda, aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-Madonna ta’ Lourdes. Lourdes huwa post tant għażiż, il-post tal-morda u ta’ tant Samaritani, il-post li jfakkarna f’din l-Omm li tahielna Ġesù fuq is-salib, u li dejjem takkumpanjana fil-ħajja tagħna. Illum nafdaw lilna nfusna u lil dawk kollha li jbatu f’idejn Marija Ommna, li taf xi tfisser it-tbatija, li ma titbegħidx, li ma twarrabx ħarsitha minn fuq uliedha.

Nitolbu l-għajnuna tagħha għal dawk kollha li qegħdin ibatu, li għandhom bżonn ta’ kompassjoni, smigħ u faraġ, u nitolbuha l-interċessjoni tagħha b’din it-talba antika, li l-Papa jagħlaq biha l-messaġġ tiegħu – talba li kienet tingħad fil-familja għal dawk li kienu jgħixu fil-mard u fit-tbatija:
Omm Ħelwa, titbegħidx minni,
twarrabx ħarstek minn fuqi.
Ejja miegħi kullimkien
u tħallini qatt waħdi.
Int li dejjem tħarisni
bħala l-Omm vera tiegħi,
agħmel li jberikni l-Missier,
l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




