L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Bil-Malti hemm espressjoni li tgħid: “patta parapatta”, li tfisser li wieħed ipatti b’azzjoni ħażina għal azzjoni ħażina li jkun irċieva. Tixbah ħafna dak li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju meta jikkwota espressjoni li kienu jużaw qablu, ħafna żmien qablu: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna” (Mt 5:38). Meta narawha hekk illum, nifhmu li int għal dak li tirċievi, tpatti bl-istess mod – jekk xi ħadd lilek insultak, tinsultah; jekk xi ħadd weġġgħek, tweġġgħu; jekk xi ħadd għamillek azzjoni ħażina, inti tagħmillu azzjoni ħażina.
Il-biċċa hi li meta din daħlet fit-Testment il-Qadim – insibuha fil-ktieb tal-Levitiku (24:19- 20) – ma daħlitx biex qisha tagħti barka lil min irid ipatti u tgħidlu: hekk għandek tagħmel. Imma daħlet bħala restrizzjoni. F’kultura, f’mentalità, fejn għal kull azzjoni ħażina, int mhux waħda tagħmel imma ħafna, din daħlet bħala restrizzjoni biex qisu jkun hemm tip ta’ ġustizzja proporzjonata. Allura, il-mentalità qabel kienet: jekk xi ħadd ikissirlek sinna, tkissirlu x-xedaq; u jekk xi ħadd għamillek il-ħsara fil-bieb ta’ darek, twaqqagħlu d-dar. B’dal-mod, jiġifieri tpatti ħafna aktar. Għalhekk din kienet restrizzjoni: għajn b’għajn u sinna b’sinna. Kien diġà pass ’il quddiem, għax nafu li anke fi żmienna, hemm ħafna li lanqas sa hawn ma jaslu. Naraw anke fi gwerra, it-tpattija ma tkunx bl-istess mod tal-ħażin li xi ħadd għamillek – jekk jista’ jkun teqred kull ma hemm u l-poplu kollu, aħjar.
Ġesù qed jgħid li ma għandniex nirraġunaw hekk, lanqas b’dal-mod ma għandna nirraġunaw. Għalhekk Ġesù qed jgħidilna: aħna ma għandniex nirraġunaw li għall-ħażin li nirċievu, inpattu bil-ħażin – għal kelma ħażina li xi ħadd jgħidilna, inkellmuh ħażin; għal azzjoni ħażina li xi ħadd jagħmlilna, inpattulu bl-istess mod. Ġesù qed jgħidilna li aħna, dixxipli tiegħu, mhux hekk għandna nagħmlu, le. Mhux hekk għandna nirraġunaw! Qed jistedinna, bi kliem radikali – fost il-kliem l-aktar radikali li jgħid – biex aħna nkunu dawk li għal azzjoni ħażina, inpattu b’azzjoni tajba, pożittiva. Mhix faċli, għal ħadd mhi faċli; imma għal dan qed jistedinna. Għal dan jagħtina wkoll il-qawwa hu, jekk aħna naċċettaw tassew dil-Kelma tiegħu. Qed jgħid: jekk aħna nwieġbu b’azzjoni pożittiva u tajba, inkunu qegħdin inkissru dak iċ-ċiklu ta’ vjolenza, ta’ mibegħda, inkunu qegħdin inwaqqfu dan, biex aħna tassew ngħixu dan l-ispirtu tiegħu. Allura, jekk xi ħadd jagħmlilna azzjoni ħażina, ma npattuhilux, le, b’azzjoni ħażina. Ma nivvendikawx ruħna għal dak il-ħażin li nirċievu.
Issa, jista’ jkun hemm min jgħidlek: allura, tħalli l-affarijiet għaddejjin, tħalli lil xi ħadd jagħmlek tapit? Ma tkunx qed tinkuraġġixxi lil ħaddieħor biex iġib ruħu ħażin? Ġesù mhux hekk iridna. Ma jridx li ninkuraġġixxu dak li hu ħażin. Ara x’għamel hu fil-Passjoni meta kien hemm wieħed mill-għases tal-qassis il-kbir u tah daqqa ta’ ħarta. X’għamel? Wieġbu. Ma tahx daqqa ta’ ħarta lura, jew qallu xi kelma ħażina, imma wieġbu. Qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” (Ġw 18:23). Araw kemm kien ċar Ġesù – li għamel dak li hu sewwa, anke jekk irriskja li jagħtih daqqa fuq in-naħa l-oħra. Għamel dak li hu sewwa mingħajr ma wieġeb għal vjolenza bi vjolenza, xi ħaġa ħażina b’azzjoni ħażina. Għalhekk, Ġesù li qed jitlob minna huwa dan: li aħna f’qalbna jkollna dejjem li nagħmlu dak li hu sewwa, u li nwieġbu bit-tajjeb għal dak li hu ħażin. Hemm inkunu tassew rebbieħa!
Ma jfissirx li fejn hemm il-ħażin ma neħdux passi. F’każijiet ta’ abbuż, ta’ korruzzjoni, ta’ inġustizzji, irridu nieħdu passi mal-ewwel. Lanqas nistennew ftit, mal-ewwel. Imma li nieħdu passi ma jfissirx li nagħmluh dan bi spirtu ta’ vendikazzjoni, jew biex inpattu, imma nagħmluh bi spirtu tajjeb ħalli nwaqqfu dak li hu ħażin – u għalhekk hemm bżonn li dejjem nieħdu passi – imma fl-istess waqt naħdmu għal dak li hu tajjeb, u nwasslu dan bi spirtu tajjeb. Għalhekk meta Ġesù jgħidilna li f’qalbna jkollna dejjem dan l-ispirtu ta’ mħabba, ta’ maħfra, dan ifisser: li nieħdu l-passi mal-ewwel biex insewwu dak li hu ħażin, imma nagħmlu dan bi spirtu tajjeb, kif għallimna u kif uriena hu.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna jkollna f’qalbna tassew din il-kelma tiegħu. Jagħtina l-għajnuna u l-grazzja, u jgħinna nifhmu li meta nimxu hekk, kif qed jgħidilna hu bħala dixxipli tiegħu, inkunu b’qalbna ħafna aktar fil-paċi, u nistgħu nagħmlu tassew il-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta