Ir-Randan issa beda. U, naqra naqra, bdejna miexja fih ukoll. Inħoss li, hu x’inhu t-twemmin u n-nuqqas ta’ twemmin tagħna, ir-Randan jibqa’ dak iż-żmien intens ta’ tisfija li lkoll, nemmnu jew le, għandna bżonnu f’ħajjitna. 

U hawn hi l-mediċina mill-iprem u mill-ifjen għal dan iż-żmien hekk partikulari mhux biss tas-sena liturġika tal-Knisja imma ta’ ħajjitna wkoll. Din id-darba, din il-mediċina ġiet miġjuba lilna mill-Ispirtu s-Santu, jew kif inħobbu nsejħulu b’ismu proprju bil-Malti, Ruħ il-Qdusija, minn Patri Benedittin qaddis li għex bejn is-snin 1007 u 1072, San Pietru Damiani. Dan il-Patri Benedittin qal hekk: “L-aqwa penitenza hi li jkollok is-sabar mal-inkwiet li l-Mulej jippermetti. Penitenza tassew tajba hi li tiddedika lilek innifsek biex twettaq id-doveri tiegħek ta’ kuljum b’eżattezza u li tistudja u taħdem b’qawwietek kollha”.

Il-parir li qed jagħtina San Pietru Damjani hu tassew kbir u li jista’ jilħqu kulħadd. Ilkoll kemm aħna għandna d-dmirijiet tagħna fil-ħajja. Ħadd minna mhu eżenti li jagħmel li jfettillu f’moħħu. Minkejja l-isfidi u l-istress li jkollna ilkoll għandna quddiemna dmirijiet li aħna biss nistgħu nwettquhom. Għax, u bir-raġun kollu, ġejna msejħa għalihom u dħalna b’ruħna u b’ġisimna biex inwettquhom. Minix hawnhekk immur għal sitwazzjonijiet straordinarji fejn, minħabba nuqqas ta’ saħħa, huma x’inhuma, ċerti dmirijiet ma nistgħux inwettquhom. Hawnhekk qed nitħaddet fuq dmirijiet li, mis-sejħa tagħna ta’ bnedmin li għandna ruħ u mhux biss ġisem x’nieħdu ħsieb, għandna d-dmir li nħarsu u nwettqu. 

Personalment nara li l-Eżortazzjoni Appostolika dwar is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum ta’ Papa Franġisku, imsejħa “Ifirħu u thennew”, bl-Ilsien Latin, Gaudete et Exsultate, għandha ħafna x’toffrilna. Fl-ewwel linji tagħha nsibu miktub hekk: “Il-Mulej jitlobna kollox, u dak li joffrilna hu l-ħajja vera, il-ferħ li għalih ġejna maħluqin. Hu jridna qaddisin u jistenna minna li ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja ta’ nofs kedda u medjokri, imxejna, inkonsistenti” (GE 1). Min minna ma jħossx il-bżonn li ħajtu tkun konsistenti? Hawn xi ħadd li hu ferħan li jgħix b’medjokrita jew sieq l’hawn u l-oħra l’hemm? Anki l-aktar persuna li tilgħabha tal-“cool” ukoll tħossha ħatja u skomodissma magħha nnifisha li tgħix gidba. Mela, u għal darba, għandna ċ-ċans li, din id-darba, nagħmlu l-ewwel pass ħa noħorġu minn ħajja li tnikkitna għax tidħak bina. L-ewwel toffrilna l-ħelu u mbagħad titfagħlna l-morr għal ġo wiċċna. Ħa ngħixu b’konsistenza ħa ngħixu ferħana!

Fid-disa’ numru ta’ l-eżortazzjoni hemm din is-sentenza: “Il-qdusija hi l-isbaħ wiċċ tal-Knisja” (GE 9). Kemm nonfqu flus għand il-beautician! Fejn ma mmorrux u ma nsifrux biex intellgħu sidirna, xufftejna u x’ma nafx aktar. Imma, sbuħija bħal din, li illum hawn u l-għada stess nerġgħu koppi, se ġġegħlna tassew nħossuna aħjar? Xbajt nara persuni li jonfqu l-belli tal-Ewro għas-sbuħija ta’ ġisimhom. Imbagħad, meta tħares lejn għajnejhom tara biss ġerħat! Għajnejn miksura ġejjin minn qalb u kuxjenza mtaqqla’ b’għemejjel li jibqgħu jsawtuhom. Din mhix kwistjoni li għandi kumpless għax inħossni ħati u ħatja. Din hi kwistjoni li nkun wettaqt għemejjel li bihom, l-ewwel ma kissirt, kien lili nnifsi stess. Is-sabiħa hi li dawn l-għemejjel ikun għamilthom għalija nnifsi u mhux biex nagħti glorja lill-Mulej ta’ ħajti. Meta l-Mulej ma jingħatax l-ewwel post f’ħajti l-ewwel ħsara li nagħmel hi lili nnifsi stess. Għalhekk nispiċċa bi kruha kbira ġejja minn qalb feruta u ta’ kuxjenza li ma tieqafx turini biex nerġa’ naqbad it-triq għand il-Mulej. Ħajja ‘l bogħod mill-Mulej hi turment sħiħ, infern fuq l-art, waqt li ħajja mal-Mulej hi sbuħija u paċi kbira. Innota ftit min dejjem jitbissem. Ħarislu u ħarsilha sewwa lejn għajnejh u għajnejha. Ara kif ikunu! Meta l-qalb u l-kuxjenza jkunu kwieti hemm stenna sbuħija mill-isbaħ! Għax il-Mulej ikun qed jgħix fil-qalb tal-persuna.

Fil-ħdax-il paragrafu ta’ din l-eżortazzjoni mill-isbaħ nara xi tfisser li ssum għal dan ir-Randan: naqsam id-doni li tani l-Mulej għall-ġid ta’ ħaddieħor. Jgħidli dan il-paragrafu: “‘Kull wieħed fit-triq tiegħu’, jgħid il-Konċilju. Mela, m’għandniex għax naqtgħu qalbna meta naħsbu fuq mudelli ta’ qdusija li jidhru ma jistgħux jintlaħqu. Hemm xhieda li jiswew biex jistimulawna u jimmotivawna, imma mhux biex infittxu li nikkupjawhom, għax dan jista’ anki jbegħidna mit-triq waħdanija u speċifika li l-Mulej żamm għalina. Dak li jgħodd hu li kull min jemmen, jagħmel dixxerniment tat-triq tiegħu u joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, mill-karatteristiċi personali li Alla qiegħed fih (ara 1 Kor 12:7), u mhux li jinħela jfittex li jsir jixbah xi ħaġa li ma ġietx maħsuba għalih. Aħna lkoll imsejħin inkunu xhieda, imma jeżistu bosta xejriet eżistenzjali ta’ xhieda”.

Int min int, għamilt x’għamilt, u tħossok kif tħossok, żgur li għandek xi ħaġa tajba x’tagħti. Ta’ ħuk ngħidlek biex ma twaqqafx lilek innifsek milli tibqa’ tagħti dan il-kontribut uniku tiegħek. Żgur li f’ħajtek għandek dawk il-waqtiet fejn tkun waħdek mal-Mulej. F’dak is-skiet, f’qalbek, tibda’ għaddejja tfittxija kontinwa ta’ dak li int. F’dak is-skiet tibda’ tara lilek innifsek. Teżamina lilek innifsek. Tinnota lilek innifsek. U, f’dan l-istudju tiegħek innifsek, tibda’ tintebaħ x’hemm tassew ġewwa fik. M’hemmx biss oskurità, difetti u ħażen imma hemm ukoll attitudnijiet tajbin. Nitolbok li tiffoka fuq dawk u li timla’ ħinek bihom billi twettaqhom. Hekk, f’ħajtek, aktar ikollok iċ-ċans li tagħmel dak li hu sewwa u, b’dan il-mod, il-grazzja tal-Mulej taħdem fik tant li l-ħażen minnek jonqos bil-minjiera tat-tajjeb li hemm fik u li jrid jinqasam mal-oħrajn.

Biex ngħinek tiġi f’tiegħek infakkrek ftit f’dawk id-drabi li smajt lil xi ħadd imweġġa’. U, wara, dak ix-xi ħadd qallek: “Grazzi li smajtni!” M’għamilt xejn. Int biss smajtu u smajtha. Imma tajtu u tajtha spazzju f’ħajtek. U issa, hu u hi, tant kemm qed iħossuhom tajjeb li qed jirringrazzjawk. Ibqa’ wettaqha din il-ħaġa! U anki jekk għandek biss il-grazzja li titbissem lil dak jew dik li jkun u li tkun minn qalbek, ibqa’ agħmilha. Għax f’dik il-persuna int tkun qed iġġib differenza kbira. Ftakar dejjem li, fil-ħajja, kulma għandna bżonn hu għemejjel ċkejkna magħmula b’imħabba kbira. Hi din li tgħolli l-għaġna kollha tal-ħajja!

Għalhekk ħa nfakkrek ftit x’jikteb Papa Franġisku f’numru erbatax tal-istess eżortazzjoni appostolika: “Biex insiru qaddisin m’hemmx bżonn inkunu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi. Ħafna drabi tiġina t-tentazzjoni naħsbu li l-qdusija hi riservata għal dawk li għandhom il-possibbiltà li jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Mhuwiex hekk. Ilkoll aħna msejħin inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum, kull fejn inkunu. Int persuna kkonsagrata? Tqaddes billi tgħix l-għotja tiegħek bil-ferħ. Miżżewweġ jew miżżewġa? Tqaddes billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif għamel Kristu mal-Knisja. Taħdem? Tqaddes billi twettaq b’onestà u kompetenza l-ħidma tiegħek b’servizz għal ħutek. Int ġenitur jew nanna jew nannu? Tqaddes billi tgħallem bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesù. Qiegħed fl-awtorità? Tqaddes billi titqabad b’riżq il-ġid komuni u tagħti dahrek lill-interessi personali”.

L-affari mhi diffiċli xejn biex nifhmuha! Li ngħixu ħajjitna bl-isfidi tagħha li toffrilna ta’ kuljum ifisser li nsumu u nitqaddsu fuq platt tad-deheb. Din hi s-sawma li int u jien mistennija nagħmlu ta’ kuljum. U hawnhekk ippermettuli nagħlaq b’kelma mill-isbaħ li qal l-għażiż ħija u l-ħabib kbir tiegħi San Leopoldu Mandić dwar dan: “M’hemmx għalfejn pentitenzi straordinarji. Biżżejjed nissapportu, bis-sabar, l-inkwiet tal-ħajja msejkna tagħna; meta ma niġux mifhuma, l-ingratitudni, l-umiljazzjonijiet, it-tbatijiet li jġibu fuqna l-istaġuni u l-ambjent li fih ngħixu. Dawn jiffurmaw is-salib li d-dnub tefa’ fuq spallejna u li l-Mulej ried bħala mezz għall-fidwa tagħna”.

Meta ssum hekk mhux biss tkun qed issum imma wkoll tkun qed tħalli l-Ispirtu s-Santu jqaddsek. Kuraġġ! Għix id-dmirijiet tiegħek skont l-istat tas-sejħa tiegħek fil-ħajja b’ħafna imħabba u b’hekk tkun qed twettaq l-akbar u l-aqwa sawma għax tkun qed tagħti r-rieda egoista tiegħek, bħalma hi tiegħi, lill-Mulej ħa jqaddisha billi jagħmilha tiegħu!

X’sawma din!

By Patri Mario Attard OFM Cap