L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Naħseb li l-iktar tieġ li baqa’ msemmi fl-Istorja kien it-Tieġ ta’ Kana. Ma kienx minħabba l-miżżewġin – fil-fatt, lanqas nafu x’kien jisimhom – u lanqas minħabba li kien xi tieġ kbir jew ta’ xi ħadd meqjus importanti ħafna dak iż-żmien. Imma kien minħabba dak li ġara fit-tieġ, kif smajna llum fl-Evanġelju skont San Ġwann.

Omm li tidħol għalina

Nixtieq li nirriflettu speċjalment fuq il-kliem: “Omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll” (Ġw 2:1-2). F’dan ir-rakkont, qisu l-enfasi qiegħda l-ewwel li Ġesù kienet hemm. Fil-fatt, meta aħna nħarsu lejn omm Ġesù f’dan it-tieġ, naraw xi tfisser din l-omm, Marija. Hawn hija “omm Ġesù”, u fl-aħħar ta’ ħajtu, Ġesù tahielna biex tkun ommna wkoll.

Marija hija preżenti għal dan it-tieġ, u hija hi l-ewwel li tinduna b’dan il-bżonn, b’din il-problema li tinqala’, li spiċċa l-inbid. U tidħol biex tgħin bl-iktar mod kwiet, fis-skiet, bla ma tiġbed l-attenzjoni fuqha nnifisha, u tgħid ftit kliem. Lil Ġesù tgħidlu: “m’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Lanqas hi talba, imma tqiegħed quddiemu s-sitwazzjoni, konvinta li se jagħti każ. Meta Ġesù jwieġeb li s-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx, hi tgħid lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Ara b’liema mod tidħol Marija f’dan it-tieġ, u hawn diġà għandna messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna. Aħna għandna dejjem inżommu lil Marija bħala l-omm li tana Ġesù li takkumpanjana fil-ħajja tagħna u tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna. It-talba li ngħidu marbuta mar-Rużarju għandha l-għeruq tagħha f’dan ir-rakkont tat-Tieġ ta’ Kana: “Marija Santissima, urina li inti ommna, għalik jisma’ t-talb tagħna dak li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna”. “Għalik” – jiġifieri, għall-kelma tiegħek Ġesù jisma’ t-talb tagħna. Din hi l-interċessjoni ta’ Marija ommna.

L-ewwel messaġġ għal kull wieħed u waħda minna, u wkoll għal din il-parroċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, hu biex aħna dejjem inżommu b’għożża lil din l-omm qrib tagħna, l-omm li takkumpanjana, li tidħol għalina b’sensitività fil-bżonnijiet tagħna, għax trid l-akbar ġid tagħna. Tajjeb li waqt li f’din il-parroċċa qed tiċċelebraw il-ħamsin sena parroċċa, iġġeddu din il-fiduċja tagħkom f’din l-omm li tahielna Ġesù, u titolbuha li hawn, din il-parroċċa ta’ Fleur de Lys, ikun dejjem post li jħeġġeġ l-imħabba lejn din l-omm li qatt ma tabbandunana.

Preżenza li ġġib bidla

L-Evanġelju jgħid li Ġesù kien mistieden “hu wkoll”. Dan it-tieġ baqa’ magħruf proprju minħabba l-preżenza tiegħu li għamlet id-differenza kollha f’dan it-tieġ. Hi preżenza pożittiva li swiet ta’ għajnuna kbira għall-miżżewġin ġodda.

Ġesù kif jagħmel dan il-miraklu, li San Ġwann isejjaħlu “l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu” (Ġw 2:11)? Il-miraklu jagħmlu mingħajr frattarija, mingħajr storbju. Lanqas jidher xejn minn barra. Il-bidla mill-ilma għall-inbid saret ġewwa, fil-ġarar. Kulma jgħid Ġesù hu lill-qaddejja biex jimlew il-ġarar bl-ilma, u dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad jgħidilhom biex jagħtu l-ġarar lil dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda. F’mirakli oħra, ġieli minn barra deher dak li qed jagħmel Ġesù. Hawnhekk xejn ma jidher minn barra. Bil-kelma tiegħu, bil-preżenza tiegħu, Ġesù ġab din il-bidla: l-ilma bidlu fi nbid, u mhux biss f’inbid, imma fl-aqwa inbid, ħafna aħjar minn dak li kellhom. U kellhom inbid mhux biss biżżejjed għalihom, imma inbid bl-abbundanza. Dan kollu jurina l-preżenza effettiva ta’ Ġesù, li ssolvi problema, imma wkoll li tagħmel il-ġid u l-aqwa ġid, ġid b’abbundanza.

Din hija l-qawwa tal-preżenza ta’ Ġesù mhux biss dak inhar tat-tieġ jew fil-ħajja tad-dixxipli fi żmienu, imma wkoll il-preżenza tiegħu f’ħajjitna llum. Il-preżenza tiegħu, il-kelma tiegħu, dejjem għandna fihom bidla pożittiva għall-ġid tagħna.

Dan hu l-messaġġ importanti li għarfu l-ewwel dixxipli li raw “il-glorja tiegħu” (Ġw 2:11) dak inhar, imma wkoll għalina llum. Meta għandna lil Ġesù magħna, dejjem għandna lil dak li se jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għalina. Meta nippreżentawlu s-sitwazzjoni kif inhi, bħalma għamlet Marija, u meta nippreżentawlu l-ġarar vojta tal-ħajja tagħna – dak il-vojt li kultant inħossu – huwa Ġesù li jiggwidana biex jibdel is-sitwazzjoni li ngħaddu minnha f’waħda li tkun tassew ta’ ġid għall-ħajja tagħna. Dan hu l-messaġġ ta’ siwi kbir li l-Evanġelju jagħti lil kull wieħed u waħda minna, u lil din il-parroċċa wkoll.

Il-kliem li għandna dejjem niftakru u nżommu f’qalbna hu dak ta’ Marija. Aħna nsejħulha “l-omm tal-parir it-tajjeb”, u hawn fit-Tieġ ta’ Kana, tagħti tassew dan il-parir tajjeb meta tgħid lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Hemm għandna tassew dak li jġib il-bidla fil-ħajja tagħna – meta aħna nilqgħu l-preżenza ta’ Ġesù u nfittxu li nagħmlu dak li jgħidilna hu. Il-kelma tiegħu nagħrfuha mhux bħala kelma mal-ħafna oħrajn li nisimgħu, imma bħala l-kelma tal-verità li għandha tmexxina fil-ħajja tagħna.

Ħamsin sena

Aħna u nirringrazzjaw lil Alla għall-ħamsin sena ta’ din il-parroċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, nixtieq nitlob għal kull wieħed u waħda minna hawn preżenti biex inżommu l-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna flimkien ma’ ta’ ommu Marija. Quddiemu nqiegħdu d-diffikultajiet ta’ ħajjitna, is-sitwazzjonijiet li ngħaddu minnhom, b’fiduċja li hu jittrasforma dak li hu ta’ tfixkil għalina, u jgħinna billi jagħtina tassew dak li hu ta’ ġid għalina.

F’din il-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana, Ġesù bidel l-ilma fi nbid. Fl-aħħar ta’ ħajtu, ftit qabel sallbuh, meta kien mad-dixxipli fl-Aħħar Ċena, bidel l-inbid fid-demm tiegħu. Hi bidla li turina l-għotja tal-ħajja tiegħu b’imħabba sal-aħħar għall-ġid tagħna, bidla li twassal għall-“glorja tiegħu”. Nitolbuh illum biex ikompli jkun hu l-mistieden fil-ħajja tagħna u tal-familji tagħna, inkomplu nħalluh jibidlna għall-aħjar u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, filwaqt li ngħożżu wkoll il-preżenza ta’ Marija ommna u nimxu dejjem mal-parir li tagħtina hi: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta