L-Arċisqof Paul Richard Gallagher appella lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) biex ma tinsiex l-iskop oriġinali tagħha u tenna li “l-paċi trid iktar milli sempliċiment niżguraw li ma jkunx hemm gwerer fid-dinja”.
L-Arċisqof Gallagher huwa s-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati u Organizzazzjonijiet Oħra u qed jattendi għal-laqgħa ta’ jumejn tal-OSCE li qed issir f’Malta.
Il-laqgħa qed issir qalb tensjoni kbira fid-dawl tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, il-protesti fil-Georgia u l-gwerer fil-Lvant Nofsani.
Fl-istqarrija tiegħu fl-OSCE, l-Arċisqof Gallagher qal li s-Santa Sede huwa imħasseb ħafna dwar it-tensjoni bejn is-57 membru tal-OSCE u li din qed toskura l-għeruq tal-organizzazzjoni u ħidmietha.
“Huwa kruċjali li din l-organizzazzjoni nippreservawha fi żmien meta d-djalogu, id-deskalazzjoni u d-dètente huma neċessarji”, appella l-Arċisqof li fakkar kif il-prinċipji tal-OSCE jorbtu mal-Att Finali ta’ Helsinki tal-1975 u li t-tali prinċipji għandhom jinżammu.
Hu sostna li l-ftehim li wassal biex ikkalmaw it-tensjonijiet tal-Gwerra Bierda kien ibbażat fuq l-idea li l-paċi mhijiex biss in-nuqqas ta’ gwerer iżda l-frott ta’ relazzjonijiet tajba bejn il-pajjiżi, djalogu kostruttiv u koperazzjoni bejn il-pajjiżi fiż-żamma tal-liġi internazzjonali u rispett lejn id-drittijiet umani.
L-Arċisqof Gallagher wissa li n-nuqqas ta’ fiduċja fost il-pajjiżi u l-aggressjoni ideoloġika qed tipperikola dawn il-prinċipji.
Hu rrimarka li dan kollu wassal għal sitwazzjoni fejn deċiżjonijiet importanti ma jistgħux jittieħdu u appella biex l-OSCE ma tinbidilx f’organizzazjoni ta’ pajjiżi li kollha jaħsbuha l-istess meta għandha tixpruna ideat differenti u d-djalogu.
Source: Newsbook.com.mt