Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isiru diversi attivitajiet b’risq id-Dar tal-Providenza li se jwasslu għall-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel ta’ Jannar li ġej. Dan kollu biex 115-il resident jibqgħu jirċevu l-aqwa servizz.

Dan tħabbar illum waqt konferenza stampa minn Fr. Martin Micallef flimkien mal-amministratur tad-dar Nadine Camilleri Cassano.

Fr. Micallef ħabbar li s-sena 2025 se tkun speċjali għad-Dar tal-Providenza għax hija s-sena li fiha tagħlaq 60 sena minn meta twaqqfet u tat servizz lil mijiet ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali. Fil-fatt tul is-snin kienu 270 persuna li ħadu s-servizz ta’ residenza permanenti u u oħrajn li kienu offruti servizz ta’ respite.

Id-Dar dejjem offried servizzi personalizzati u ta’ kwalità li jirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tal-persuni li ġew bżonnha. U dan seta’ jseħħ biss bl-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi.

Issa f’dan l-anniversarju daqhekk importanti se tkun qed titnieda strateġija għas-snin li ġejjin li biex tkompli tibni fuq il-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil-komunità u alternattivi oħra ta’ sapport skont ix-xewqat tal-persuna.

B’hekk l-għajnuna finanzjarja trid tkompli u għalhekk tul Diċembru kollu se jsiru bosta attivitajiet bl-ewwel waħda fosthom il-maratona ta’ 30 siegħa xandir live fuq RTK103.

Amanda Ciappara, Kap tal-Programmi ta’ RTK103 spjegat li l-maratona ta’ RTK103 se tibda nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru f’nofsinhar u tintemm il-Ħadd 1 ta’ Diċembru fis-sitta ta’ filgħaxija. Fiha se jieħdu sehem il-preżentaturi kollha ta’ RTK103.

Wieħed jista’ jibgħat l-għotjiet tiegħu billi jċempel:

€15 – 51702013; €25 – 51802014; €50 – 51902085; €100 – 51302022; SMS €7 – 50618922 jew inkella permezz ta’ myAPS Payment to mobile jew BOV Mobile app fuq 79324834.

Wieħed jista jagħmel ukoll għotja akbar fuq il-kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin kollha.

Source: Newsbook.com.mt